Tuesday, April 16, 2024

TELEWORKING U TELERESTING

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Ftit ilu rċevejt ġewwa dari fuljett mis-Supretedenza tas-Saħħa Pubblika ta’ kif għandi nieħu ħsieb saħħti. Waħda mis-suġġerimenti kienet li bniedem jorqod ammont ta’ sigħat.  Din żgur li ma tgħoddx għalija għax kienu norqod daqshekk żgur nasal tard ix-xogħol il-Belt.  L-istess is-suġġeriment li l-persuna tgawdi l-kampanja u tiltaqa’ mal-ħbieb.  Meta terġa’ lura d-dar fis-sitta ta’ filgħaxija fid-dlam mhux faċli. Is-suġġerimenti huma utli ħafna imma meta l-ħinijiet tax-xogħol huma li huma, wieħed ftit li xejn jibqagħlu għażla.  

Min-naħa l-oħra, bla dubju ta’ xejn, il-pandemija tal-Covid-19 ġabet rivoluzzjoni fil-ġurnata tax-xogħol ta’ ħafna.  Kienet l-ewwel pandemija f’dinja industrijalizzata u diġitalizzata.  U mill-pandemija ħarġu t-‘teleworking’, ir-‘remote working’ u l-‘working nomads’.  Kollha kliem Ingliżi imma kulħadd jiftiehem.  

L-attitudni ta’ min iħaddem f’dan ir-rigward naħseb li hija waħda maqsuma. Hemm min jieħu pjaċir jiffranka d-dawl, l-ilma, l-ispazju u l-għamara fl-uffiċini tal-kumpanija u hemm min jibża’ li l-ħaddiem waħdu ma jaħdimx. L-impatt fuq is-soċjetà huwa inqas traffiku fit-toroq, inqas tniġġis u iktar ħin mal-familja. Jidher ukoll li minn meta ġie introdott it-‘teleworking’ naqas ukoll il-‘leave’ għal raġunijiet ta’ mard.  Personalment, din naraha ovvja, għax wara kollox, persuna li ma tiflaħx issuq lejn ix-xogħol mhux neċessarjament ma tiflaħx taħdem.  Hemm ċertu tip ta’ mard fejn wieħed iħossu komdu joqgħod id-dar imma mhux mix-xogħol. Fost dawn hemm mard li jittieħed bħall-irjieħ.

Ta’ min jgħid ukoll li Malta qed issir distinzjoni bejn ‘teleworking’ u ‘remote working’ għalkemm hija qajla ċara.

Min-naħa l-oħra t-‘teleworking’ diġà qed jagħmel impatt ukoll fuq it-turiżmu – qasam fejn Malta għandha x’tirbaħ.  Iltqajt ma’ nies minn pajjiżi differenti li jgħidulek li ġew Malta għal xahar, xahrejn jew iktar u qed jaħdmu minn hawn.  Fosthom iltqajt ma’ ħaddiema mill-Kolombja li jaħdmu fil-qasam diġitali u li ġew hawn biex fl-istess ħin li jgawdu lil Malta, jaħdmu xorta.

Id-disponnibiltà tat-teleworking, apparti li tiddependi mill-post tax-xogħol, tiddependi wkoll mill-imgħallem, kap jew direttur. Il-gvern Malti qed ikun il-pijunier f’dan il-qasam iżda jidher li xorta hemm x’qed ixekkel milli r-‘remote working’ isir il-‘carte blanche’ fejn ħaddiem Malti jaħdem mis-Seychelles jew mill-Brażil għal xahar.  Forsi x-xettiċiżmu jew il-burokrazija.  Jidher li qed jiġi implimentat biċċa biċċa, b’postijiet fejn daħal sew, oħrajn li għadhom qed ikaxkru saqajhom.

Fil-fehma tiegħi it-‘teleworking’ huwa opportunità inkredibbli għal min iħaddem daqskemm għal min jaħdem.  L-ammont ta’ ħin li jintilef filgħodu sabiex persuna tasal fuq il-post tax-xogħol u d-diffikultajiet marbuta miegħu jispiċċaw kollha.  Il-ħaddiem stess m’għandux l-iskuża li wasal jew waslet tard minħabba tal-linja jew it-traffiku.  Lanqas m’għandhom għal xiex jaħlu l-ewwel nofs siegħa jissettiljaw fuq il-post tax-xogħol. U hemm garanzija li jibdew fil-ħin filgħodu. 

Meta jibda l-maltemp m’hemmx il-problema li nofs l-uffiċċju għadu ma jistax jasal fuq il-post tax-xogħol u x-xogħol ikun ilu li beda (dan apparti l-vantaġġ li jkollhom il-forzi dixxiplinati u pulizija b’inqas karozzi fit-toroq u inqas riskju ta’ inċidenti).  Fejn għandek ħaddiema li jgħixu waħedhom, min iħaddem għandu garanzija akbar li l-ħaddiem qiegħed jaħdem għall-kwiet u fejn għandek uffiċini ffullati bin-nies, ikollok inqas nies fl-istess post fl-istess ħin. Fejn għandek ħaddiema li ftit li xejn jistgħu jaħdmu d-dar, saru ċentri apposta sabiex il-ħaddiem jaħdem minn post alternattiv.  Apparti l-fatt illi l-ħaddiem dejjem baqagħlu l-fakultà li jekk irid ma jibbenifikax mit-‘teleworking’. 

U jekk min iħaddem għandux kontroll fuq min jaħdem mhix daqshekk xi ħaġa impossibbli.  Biżżejjed wieħed jiċċekkja kemm idum ir-rispons għal imejls jew telefonati mill-persuna li qed taħdem mid-dar biex wieħed jiddetermina hix f’postha jew le.  

Però, it-‘teleworking’ fih l-iżvantaġġi tiegħu wkoll. Il-ħaddiema ma jiltaqgħux spiss bejniethom.  Fih ukoll l-iżvantaġġ li l-ħaddiem qed jirrinunzja għall-‘privatezza’ jew mistrieħ tiegħu waqt li ma jkunx fuq il-post tax-xogħol.

Naf b’okkażjonijiet fejn sar abbuż mit-‘teleworking’.  F’każ partikulari mara bi tlett itfal applikat għal tlett ijiem ‘leave’ fi żmien l-Għid biex tkun tista’ tgawdi t-tfal u l-familja. L-imgħallem tagħha qatt ma offra lill-impjegati tiegħu ‘teleworking’.  Jiġifieri kienet tmur għax-xogħol ħamest ijiem fil-ġimgħa u titlaq lura led-dar fil-ħamsa u nofs ta’ filgħaxija ħamest ijiem fil-ġimgħa. Meta wasal il-waqt, l-imgħallem qalilha li hemm xogħol urġenti li jeħtieġ isir u ġiegħelha taħdem mid-dar għal tliet nofstanahri waqt il-‘leave’.

Li qed jiġri wkoll huwa li l-persuni kollha li qed jibbenefikaw mit-‘teleworking’ qegħdin jirċievu telefonati fuq iċ-ċellulari personali tagħhom. U dejjem ikollhom aċċess għall-informazzjoni kollha fuq il-kompjuter tax-xogħol li jkun il-ħin kollu magħhom. Għalhekk, anke waqt il-‘leave’ jew ‘sick leave’ qegħdin jispiċċaw jirċievu tali telefonati . Speċjalment, f’każ ta’ ‘sick leave’, il-persuna qiegħda tiġi mġiegħla, anke bla ma jridu ta’ fuqha, taħdem waqt is-‘sick leave’.  Għalkemm illum diġà għandna regoli stretti dwar kemm ħaddiem jista’ jiġi kkuntattjat barra x-xogħol, però xorta waħda dan qed isir.

Min-naħa l-oħra, it-‘teleworking’ ġab miegħu wkoll it-‘teleconferencing’.  Attendejt ħafna konferenzi onlajn speċjalment waqt il-pandemija u kull darba l-konferenza jkun fiha biss kwarta brejk. B’differenza, f’konferenzi fiżiċi, il-brejk jagħti ċans lil dak li jkun illi jikkjuwja għall-kafé, jiekol xi ħaġa u jissoċjalizza. Darba minnhom attendejt għal konferenza ġenerali annwali onlajn ta’ partit politiku Ġermaniż li damet mill-ħdax ta’ filgħodu sal-għaxra ta’ billejl bla brejk.  Tant li għaddiet mozzjoni biex ma jittiħidx brejk.  Fil-fatt wara, kien hemm min gerger ħafna kontra l-mozzjoni wkoll, speċjalment dawk li ma kinux preżenti fil-ħin li għaddiet il-mozzjoni biex jitħalla barra l-brejk. 

Jista’ jkun li bid-disponibbiltà ta’ xogħol onlajn żdiedu l-faċilitajiet u ġġebbdu l-ħinijiet. Jew li nġebbdu ’l ħaddiema.  Iżda ma rridux nitilqu bl-idea li dak li kien isir f’ġimgħa nagħmluh f’ġurnata. Jew li dak li qabel kien isir minn żewġ ħaddiema jsir minn wieħed jew waħda għax dak li ma sarx fuq ix-xogħol jista’ jew (agħar minn hekk) għandu jitkompla d-dar.  Id-distinzjoni bejn xogħol fuq il-post tax-xogħol, ‘teleworking’, ‘vacation leave’ u ‘sick leave’ (fost oħrajn) għandha tibqa’ hemm.  U dan il-fatt irid jiftakru mhux biss min iħaddem imma wkoll min jaħdem.  Id-dedikazzjoni lejn ix-xogħol għandha tkun hemm.  Imma xorta jrid jibqa’ ħin għall-mistrieħ. 

Dan l-artiklu nista’ niktbu għalija stess. S’issa waqt il-‘leave’ ħdimt mid-dar, fi tmiem il-ġimgħa ħdimt mid-dar ukoll u anke waqt is-‘sick leave’ tfejt il-kompjuter u spiċċat nirrispondi t-telefonati xorta. U ma ħdimtx għax obligani ta’ fuqi.  Imma għax ħassejt id-dover. Jien ukoll dħalt fi sqaq perikoluż.  Għaliex it-‘teleworking’ huwa għodda utli biex testendi l-ħinijiet tax-xogħol. Imma t-‘teleresting’ ħadd ma jaf eżatt x’inhu. Il-ġurnata fiha biss 24 siegħa.  Naħdmu fejn naħdmu kollox qed jonqos minn dawn l-24 siegħa. 

PS. Filwaqt li nsellmu lir-Reġina Eliżabetta II fl-okkażjoni tal-mewt tagħha nħarsu ’l quddiem lejn renju ġdid tar-Re Karlu III. L-ewwel Re li se jibda bla kolonji għajr xi dipendenzi, mingħajr l-UE, bi PM mara ġdida fjamanta u bil-kwistjoni dejjem tberren tal-Iskozja. Nibqgħu wkoll kburin għall-fatt illi Malta hija l-uniku pajjiż fejn Monarkija Ingliża għexet barra r-Renju Unit apparti li l-uniku nazzjoni li rċieva l-‘George Cross’ bħala nazzjon.  Iż-żmenijiet jagħtuna parir x’hemm maħżun għall-monarkija Ingliża fil-ġejjieni. Bla dubju nawguraw lir-Re Karlu III.

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Ekonomija

Sport