Wednesday, April 24, 2024

AWSTERITÀ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ħadd mhu qed isemmi l-kelma. Biss, kull min isemmi l-ħtieġa ta’  miżuri li jridu jittieħdu biex l-Ewropa tilqa’ għall-isfidi enormi li qed taffaċċja dwar il-provista tal-enerġija u dwar l-effett qawwi tal-għoli tal-prezzijiet, jaf li b’xi mod qed jitkellem ukoll dwar awsterità.

Għadha friska t-tifkira tal-effetti soċjali tal-awsterità li tħaddmet bejn is-snin 2008-2012 ħalli titrażżan il-kriżi finanzjarji ta’ dawk is-snin. Terġa’, jeżistu dubji kbar dwar kemm bħala strateġija ekonomika u finanzjarja, l-awsterità ta’ dawk is-snin kienet suċċess. Jitressaq argument qawwi li hi ħolqot problemi kiefra, forsi daqs dawk li pprovat tħoll. 

Sempliċement, il-ħsara li ġabet magħha ma ġietx f’mewġa enormi, imma baqgħet ittektek bla wisq storbju. Fost il-konsegwenzi kien hemm it-tkabbir ekonomiku fjakk li baqa’ jinħass għal snin twal.

Tajjeb li l-effetti u l-lezzjonijiet tal-awsterità ma jintesewx. Lanqas irid jiġi injorat il-punt li s-soluzzjonijiet għall-problemi tal-lum ma jistgħux ikunu zokkrin.

ELEZZJONI KONSERVATTIVA

Il-kampanja fost il-membri tal-Partit Konservattiv Brittaniku biex jeleġġi l-mexxejja ġdida tiegħu fetħet attività ħerqana minn ċentru tal-partit għall-ieħor. Inżammu laqgħat u dibattiti li fihom kien hemm parteċipazzjoni tajba ħafna.

Fil-partiti “moderni”, dan sar kważi l-unika forma ta’ parteċipazzjoni effettiva li l-membri ta’ partit saru jħossu li għandhom. L-użu tal-mezzi soċjali biex jikkomunikaw mal-membri, il-poter li nġema’ fl-organizzazzjoni ċentrali tal-partit,  u ż-żieda f’attrazzjonijiet u interessi popolari — fosthom l-ivvjaġġar — berrdu, ġieli għal kollox, l-attiviżmu politiku regolari ta’ ħafna ċittadini.

Xi ħadd bħali, bilfors iħoss ċertu gost, imħallat b’nostalġija, meta jara dal-attiviżmu politiku partiġġjan stil “antik” anke jekk kien għall-elezzjoni ta’ mexxejja konservattiva.

PROFITTI ŻEJDA

Baqgħet tikber il-pressjoni biex jiġu ntaxxati l-profitti “żejda” li qed isiru fil-qasam tal-enerġija (imma mhux biss) f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi riesqa. Kien hemm il-battibekk interessanti fil-House of Commons bejn il-Prim Ministru Ingliża Truss u l-Kap tal-Oppożizzjoni Starmer fejn Truss insistiet li hi kontra kull taxxa fuq profitti li jsiru b’“windfall” (xorti tajba mhux mistennija). 

  Qam l-istess dibattitu fi Franza. Il-President Macron żgiċċa mill-kontroversja billi rreferiha lil Brussell. Deċiżjoni aħjar tittieħed fuq livell Ewropew, qal.

Il-mod kif il-pożizzjonijiet politiċi jittieħdu hu determinat minn jekk gvern jew partiti humiex fix-xellug jew fil-lemin. Fil-partit ta’ Macron, nofs xellugi irid li tidħol it-taxxa fuq profitti eċċessivi, nofs lemini hu xettiku għall-aħħar. Macron innifsu fl-aħħar iddikjara li jaqbel ma’ xi taxxa fuq profitti eċċezzjonali minħabba l-kriżi.

Personalment nixtieq nisma’ dwar jekk f’Malta humiex isiru għall-istess raġuni profitti eċċezzjonali; u jekk iva, għaliex, u f’liema setturi.

Sport