Sunday, May 24, 2026

Għaddejja t-tieni fażi tax-xogħlijiet f’Wied Inċita

Aqra wkoll

Permezz ta’ inizjattiva bejn Sliema Wanderers Youth Academy u Ambjent Malta, tħawlu 190 siġra bħala parti mit-tieni fażi ta’ Wied Inċita f’Ħ’Attard. Dan il-park se jikber b’7,000 metru kwadru ieħor.

Numru ta’ tfal rappreżentanti tas‑Sliema Wanderers Youth Academy flimkien mal-familji tagħhom ipparteċipaw fl-attivitajiet edukattivi u ambjentali.

Il‑Ministru għall‑Ambjent, Miriam Dalli, attendiet l‑avveniment u żaret ix-xogħlijiet flimkien mal-membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard u uffiċjali ta’ Ambjent Malta.

Filwaqt li ngħaqdet mat-tfal waqt it-tħawwil tas-siġar, tkellmet dwar ix‑xogħlijiet li bħalissa għaddejjin f’Wied Inċita li jinkludu interventi ekoloġiċi, proġetti ta’ restawr ambjentali u tkabbir tal-park.

“Grazzi għall-inizjattiva ta’ Sliema Wanderers Youth Academy, qed inħawlu aktar siġar fit-tieni fażi tal-proġett ta’ Wied Inċita. Diġà ftaħna l-ewwel fażi ta’ Wied Inċita; 20,000 metru kwadru ta’ spazju ambjentali għall-familji. Fit-tieni fażi se naraw 7,000 metru kwadru biex imbagħad inkomplu nespandu dan il-park f’Ħ’Attard,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

F’dan il-park ser jitħawlu diversi siġar lokali u indiġeni bħala parti mix‑xogħlijiet li għaddejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport