EquestriMalta iffirmat Memorandum ta’ Qbil (MOU) ma’ E.N.G.E.A waqt Fieracavalli f’Verona, bil-għan li jinħolqu aktar kollaborazzjonijiet sportivi kemm f’Malta u l-Italja u kif ukoll mal-imsieħba ta’ E.N.G.E.A madwar id-dinja kollha.
E.N.G.E.A hija entita` privata li topera fuq livell nazzjonali u internazzjonali għall-promozzjoni, it-taħriġ u t-tisħiħ ta’ attivitajiet ekwini u ekwestri, b’referenza partikolari ghad-dixxiplini tal-isport ekwin, ekwi-turiżmu, irkib taż-żwiemel fil-kampanja u bosta attivitajiet oħra, filwaqt li EquestriMalta, entita` governattiva, topera fit-territorju Malti bil-għan li tiżviluppa, tippromwovi u tirregola attivitajiet ekwini u attivitajiet sportivi relatati.
Flimkien, iż-żewġ partijiet jaqsmu valuri komuni dwar il-benesseri taż-żwiemel, il-ħarsien tal-ambjent, l-istandards professjonali fis-settur, u l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu ekwin u għalhekk dan il-ftehim jgħaqqad dan kollu, filwaqt li jressaq opportunitajiet ġodda lejn pajjiżna u lejn l-atleti tagħna.
Dan kollu kien possibli waqt żjara li EquestriMalta, li kienet irrapreżentata mic-Chairman Dr Dean Hili l-Kap Eżekuttiv Max Zammit u Membru tal-Bord Paula Calamatta, għamlu ma’ numru ta’ entitajiet varji ġewwa Fieracavalli.
Fieracavalli hija fiera prestiggjuza li ssir kull sena f’Verona fl-Italja, fejn tressaq lejha eluf kbar ta’ rappreżentanti minn madwar id-dinja li ġejjin mid-dinja taż-żwiemel, iżda la dubju jispikka l-element sportiv. B’seminars varji organizzati fuq il-kura taż-żiemel, anti-doping, dixxiplini sportivi ekwestri, infrastruttura u ħafna oħrajn, bla dubju l-parteċipazzjoni t’EquestriMalta kienet importanti għall-għarfien varju, kuntatti u kif ukoll ġie esplorat is-sehem futur ta’ Malta f’din il-fiera.
Fiera li laqgħet eluf ta’ esebituri li jippromwovu prodotti u servizzi varji, eluf ta’ atleti u sportivi oħra, filwaqt li laqgħet bosta assoċjazzjonijiet u entitajiet minn madwar id-dinja f’post wieħed.
Fost uħud mill-entitajiet li EquestriMalta ltaqgħet magħhom, kien hemm ukoll il-Ministeru tal-Agrikoltura Taljan MASAF li jaqa’ taħtu parti mill-isport ekwin, filwaqt li l-Federazzjoni Maltija Ekwestri iffaċilitat laqgħat ma’ uffiċjali mill-federazzjoni Taljana FISE, kif ukoll ma’ uffiċjali mill-Federazzjoni Internazzjonali FEI. L-uffiċjali t’EquestriMalta u l-Federazzjoni Maltija Ekwestri assistew u segwew mill-vicin lil Niamh Beirne, Maltija li kkompetiet waqt il-fiera flimkien maż-żiemel tagħha, fejn qabżet għoli ta’ 125cm.




