MALTA ………………. 1
OLANDA …………….11
Jekk it-team Malti ta’ taħt is-17-il sena ġie megħlub bi skors kbar fl-ewwel round tal-Kwalifiki tal-UEFA Euro U/17 Championship Grupp 5, kontra s-Slovakkja (6-0) u n-Norveġja (11-0), l-istess nistgħu ngħidu għall-aħħar logħba li saret ilbieraħ fis- Centenary Stadium li fiha l-Olanda għelbuna bl-iskor kbir ukoll ta’ 11-1.
Madankollu l-grupp ma ġiex mirbuħ mill-ebda team li skorja 11-il goal kontrina, iżda mis-Slovakkja li spiċċaw b’rekord ta’ tliet rebħiet minn tliet logħbiet.
Sal-mistrieħ l-iskor kien 3-1 wara li kienu l-Maltin li fetħu l-iskor minn penalty li kien wieħed minn tlieta li ngħataw fil-partita b’wieħed mit-tnejn tat-Tulipani jiġi salvat mill-goalkeeper Malti, Dejan Gatt.
Intant fid-19-il minuta r-referee ordna l-ewwel penalty tal-logħba għal foul ta’ Sven Kramer fuq Zerafa li minnu Lukas Wright sab ix-xibka.
Imbagħad, kien imiss lill-Olanda li jingħataw penalty meta fid-29 minuta Zerafa ffawlja lil Dyran Stam fil-kaxxa, iżda Gatt salva x-xutt ta’ Orlando Holden.
It-team Olandiż kiseb id-draw fil-31 minuta minn Holder li anke skorja t-tielet goal fil-45+1 minuta waqt li bejniethom kien hemm goal ta’ Adnane Ballari fis-36 minuta.
Fit-tieni taqsima l-goals baqgħu ġejjin meta l-ewwel Mees Rensen skorja r-raba’ goal fid-49 minuta waqt li Denzel Darko sab ix-xibka minuta wara.
Fit-tieni penalty mogħti lill-Olanda kien Ballari li sab ix-xibka minn penalty fil-51 minuta għal foul ta’ Kaiden Grixti fuq Holder għal 5-1.
Fid-59 minuta Holder għaqqad il-hat-trick u fil-75 minuta għamilhom erba’ goals personali.
Bħal ma jiġri ħafna drabi lejn it-tmiem tal-partita l-Maltin sofrew tliet goals oħra li ġew minn Ilai Grootfaam fil-81 minuta, Darko fl-94 minuta u Gerain Van Loon fis-96 minuta.
Din kienet it-tielet logħba bejn iż-żewġ timijiet bl-Olanda jirbħu tnejn u Malta waħda bil-goals ikunu 7-5 favur l-Oranġjo.
Fil-logħba l-oħra s-Slovakkja għelbu lin-Norveġja 3-2 biex spiċċaw l-ewwel fil-grupp.
Malta: Dejan Gatt, Luke Sciberras (Liam Gatt 46), Andrei Agius, Kaiden Grixti (Zack Xiberras 60), Jerome Gaffiero, Zaiden Azzopardi, Gianni Zerafa, Ayrem Aquilina (Sean Farrugia 46), Jayden Roe, Capt, Cole Zerafa (Giorgio Cristauro 60), Lukas Wright (Gianni Camenzuli 60) – Coach: Jonathan Holland.
Referee: Lasse Lacbel Graagaard (Danimarka).




