F’intervista li saritlu mill-gazzetta “IT-TORĊA” ftit jiem biss wara li ġie approvat bħala Segretarju Ġenerali ġdid tal-General Workers’ Union, Kevin Camilleri nsista li l-viżjoni tiegħu għall-GWU hi mibnija fuq tliet pilastri – is-sostenibilità, il-preżenza u t-taħriġ flimkien mal-iżvilupp.
Huwa enfasizza li jrid jara unjin aktar dinamika u aktar b’saħħitha. Unjin li tkun avant-garde b’sistemi moderni. Dan anke fil-kuntest tal-iżviluppi li qed iseħħu b’ritmu mgħaġġel fid-dinja tax-xogħol b’mod partikolari minħabba t-tibdil li qed iġġib magħha d-diġitalizzazzjoni. Camilleri beda biex stqarr li llum ninsabu f’sitwazzjoni ta’ dik li sejħilha “paradoss kbir” minħabba l-element diġitali.
“Se jkollna qalba li anke aħna bħala trejdunjonisti ilna ma naraw bħalha. Anzi qatt ma esperjenzajna bħalha.” Huwa sostna li qed naraw tibdil mhux biss fil-mod kif naħdmu imma wkoll kif naħsbu, kif nitħarrġu u anke kif se jkun id-djalogu soċjali fiż-żmien li ġej. “Meta waqt il-Kungress Straordinarju għedt li l-GWU rridu nippreparawha għall-futur, kont qed nirreferi għal dawn l-affarijiet.”
Camilleri semma’ kif wieħed mill-pilastri ewlenin tal-viżjoni tiegħu huwa proprju s-sostenibbiltà. Mhux biss mil-lat finanzjarju imma anke mil-lat ta’ policies. “Dak il-ġid li se noħolqu għandu jkun wieħed komuni. It-Taqsimiet tal-GWU għandhom ikomplu jkunu flimkien biex nimbuttaw linja waħda,” qal is-Segretarju Ġenerali talGWU.
Barra minn hekk, huwa sostna li jrid unjin li tkun preżenti fejn hemm il-membri, li ma tistenniex lill-membru jiġi lejha imma tmur hi lejh. Unjin moderna, qrib innies u li tkun dejjem aċċessibbli. Għalhekk tenna li se jsir investiment fil-midja soċjali, biex ikunu aktar viżibbli, aktar interattivi u aktar responsivi. Pilastru ieħor huwa ttaħriġ u l-iżvilupp. “Għamilt enfasi fuq it-taħriġ tul il-ħajja biex il-bniedem jibqa’ dejjem aktar rilevanti,” qal Camilleri filwaqt li nsista li jridu jinvestu bis-serjetà f’taħriġ kontinwu biex il-ħaddiema jkomplu jiksbu aktar ħiliet.
“Illum aktar minn qatt qabel nesiġi li l-ħaddiema għandhom ikunu membri f’unjin”
Mistoqsi dwar il-proposta ta’ sħubija awtomatika fi trejdunjin, Camilleri spjega li l-GWU kienet proponiet mudell fejn il-ħaddiem meta jidħol fid-dinja tax-xogħol jagħżel hu liema unjin irid ikun fiha, l-employer ikollu responsabbiltà li jinformah dwar l-unjins li hemm fuq il-post tax-xogħol u mbagħad il-ħaddiem jagħżel hu jew jista’ wkoll ma jagħżilx li jidħol fl-unjin. “Aħna morna oltre minn hekk. Dak li ma jidħolx f’unjin, wasal iż-żmien li jrid ikollu parti tal-miżata tiegħu li jħallasha.. hekk kif dak li niftiehem jien bil-membru tiegħi, se jkun qed iġib ġid lil dak li mhux membru, allura by all means għandu jħallas
parti mill-miżata. U din ma għedniex li għandha tkun għall-unjin tagħna biss. “Għedna li għandu jkun hemm chamber of labour. Fi Vjenna hemm dan il-mudell, fejn iċ-chamber of labour hi magħmula mit-trejdunjins. Hemmhekk imorru lflus ta’ dawk li ma jridux jidħlu fil-unjin u jintużaw għar-riċerka u għall-iżvilupp tal-ħaddiem. “Biex tagħmel riċerka llum trid eluf kbar ta’ ewro u l-miżata li l-unjins ta’ Malta jiċċarġjaw hi verament minima komparat ma’ pajjiżi oħra barra minn Malta.
Meta kien hawn il-Covid, l-aktar li mxejna u għamilna suċċessi kienu f’dawk il-kumpaniji li huma organizzati,” qal Camilleri li nsista li llum aktar minn qatt qabel jesiġi li l-ħaddiema għandhom ikun f’unjin. Huwa enfasizza wkoll li prinċipju ewlieni tal-unjin jibqa’ dak li tkompli tiddefendi lill-ħaddiema, huma ta’ liema livell huma.
“Se jkollna l-element ta’ dawk li jaħdmu x-xogħol manwali (blue-collar workers) imma wkoll se jkun hemm element akbar u li dejjem jinbidel fejn jidħlu l-professjonisti.” Camilleri qal li filwaqt li l-membership tradizzjonali se tibqa’ hemm u se jkomplu jsaħħuha, se joħolqu lkunċett li persuna li jkollha bżonn is-servizz ta’ Avukat jew Segretarju tista’ tiġi fil-GWU u tingħata dak isservizz.
Il-ħtieġa li bniedem ikompli jitgħallem biex javvanza
Mistoqsi dwar liema jaħseb li se tkun l-akbar sfida li jħoss li l-unjin għandha tindirizza fis-snin li ġejjin, Camilleri qal li l-isfida ewlenija se tkun il-qalba diġitali. “Sfida fil-mod kif nikkonvinċu lill-ħaddiema tagħna fuq din il-bidla, li mhux se tistenniena. Dawk li mhux se jitħarrġu, jitgħallmu, se jaqgħu lura. “Illum l-Intelliġenza Artifiċjali qiegħda kullimkien… il-ħtieġa li bniedem jitgħallem biex javvanza u mhux jibqa’ fejn hu se tkun sfida importanti u interessanti għalina lkoll,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Mistoqsi dwar il-prekarjat, Camilleri rrikonoxxa li sar progress sinifikanti f’dan ir-rigward fl-aħħar snin fejn anke ħadmu mal-employers biex tkun indirizzata din il-problema, speċjalment f’setturi bħalma hu dak tat-tindif. “Se nibqgħu katalisti, b’saħħitna u aktar rigorużi milli konna fl-2010. Wasal iżżmien li n-name and shame ma tkunx biss fuq il-karta. Imma jekk insibu li kumpaniji jkollhom prekarjat… meta tkellmu, jgħidlek li rranġa u jibqa’ jippersisti, in-name and shame ikun wieħed aktar b’saħħtu speċjalment fuq il-midja soċjali,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Huwa kompla billi kkonferma wkoll li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena se jkunu laħqu dak li s-sena l-oħra għamlu bħala żieda fil-membri. “Irridu naħdmu aktar, nikkonvinċu aktar nies jissieħbu filGWU. Illum aktar qed nara n-neċessità li l-ħaddiema tagħna jidħlu fl-unjin.” Huwa nsista li l-ħaddiema għandhom jidħlu fl-unjin minħabba t-tibdil mgħaġġel fid-dinja tax-xogħol, il-fatt li din tkun qiegħda hemm biex tissalvagwardjak, ittejjiblek il-pagi u l-kundizzjonijiet, kif ukoll li tgħinek fil-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Camilleri qal ukoll li
“llum m’għadhiex id-dinja tax-xogħol li mort mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00 a.m. sal-4.00 p.m., ħdimt u tlaqt id-dar. Illum kulħadd irid iktar b’inqas. It-teknoloġija dik se tkun qed tippermettiha. Allura aħna rridu nkunu avant-garde biex f’dan l-iżvilupp, il-ħaddiema tagħna ma jaqgħux lura.” Mistoqsi fuq it-taħriġ, huwa qal li fil-jiem li ġejjin se jiddiskutu l-ftuħ ta’ uffiċċju dedikat għall-proġetti Ewropej u dawk lokali. Uffiċċju li ma jkunx biss amministrazzjoni, imma ċentruta’riċerka, ta’ħsieb, ta’ argument b’saħħtu u ta’ strateġija.
Camilleri qal ukoll li kien ta rendikont kif l-MTRM, l-Unilang u l-Fondazzjoni Reggie Milleri ġew mgħammra b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jilqgħu l-isfidi futuri. Il-pass li jmiss hu li joffru korsijiet aċċessibbli u rilevanti għal kulħadd. Camilleri żied jgħid li jridu wkoll ikomplu jikkollaboraw ma’ istituzzjonjiet edukattivi oħra bħalma diġà sar ma’ IDEA u IMLI biex joffru servizz li jeċċedi l-livell 4 tal-kwalifiki. “L-unjin inħoss li għandu jkollha rwol ċentrali fejn jidħol taħriġ. Importanti dak ir-rwol inżommuh,” qal is-Segretarji Ġenerali tal-GWU.
Fakkar ukoll kif l-eks Segretarju Ġenerali Josef Bugeja kien jinsisti ħafna fuq it-taħriġ u stqarr li huwa se jibqa’ miexi fuq dawk il-passi. “Meta tara kif evolvejna, fil-Kungress ta’ Jannar spjegajna kif irrinovajna l-iskejjel tagħna, u ġew mgħammra bl-aktar teknoloġiji moderni. Issa rridu nimlewhom b’aktar taħriġ.”
Camilleri qal ukoll li meta f’Ottubru, il-unjin ittella’ l-konferenza tagħha, se jkunu qegħdin iġibu kelliema Maltin u anke barranin u professjonisti biex minn hemm imbagħad iniedu n-narrattiva tagħhom għas-sena ta’ wara. “Fil-Kungress għamilt enfasi wkoll fejn tidħol ilpress. Irridu nbiddlu l-mod kif naħdmu u naħsbu. Irridu nkunu aktar pro-attivi. Wasal iż-żmien li n-narrattiva tagħna għandha tkun l-AI fid-dinja tax-xogħol, it-TCNs, kif se ngħinu lill-Maltin biex ikollhom aktar ħin ta’ kwalità.
Il-ħin tax-xogħol għandu jinbidel? Għandna nibdew inħarsu lejn mudelli differenti ta’ xogħol?” Lejn l-aħħar tal-intervista, Camilleri sostna li l-GWU diġà hi inklussiva ħafna u għandha tibqa’ tkun fuq quddiem nett u l-katalista li tiċċelinġja l-istatus quo. “Qed nara l-unjin tagħna moderna fil-ħsieb, moderna fil-mod kif naħdmu.” “L-unjin tal-futur għandha tkun moderna fejn tidħol teknoloġija b’ħassieba jaħsbu b’mod differenti li jiċċelinġjaw mhux biss l-istatus quo imma anke l-ideat tagħna,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU

