Ninsabu fl-aħħar ġimgħa ta’ kampanja elettorali. Kampanja elettorali li kienet waħda kalma għall-aħħar. Kull partit għamel il-proposti u l-attivitajiet li xtaq. Kif mistenni il-proposti mħabbrin ħolqu diskussjoni u kontroversji.
Kienet xi ħaġa pożittiva, li f’din il-kampanja rajna l-Partiti jużaw kliem pożittiv, b’kampanja pjuttost ibbażata fuq proposti milli attakki lejn naħa jew lejn oħra, għalkemm hu mill-għewl id-dinja li jkun hemm battibekki.
Minkejja dan iżda f’din il-kampanja elettorali spikka lfenomenu li ilu jerfa’ rasu, dak ta’ diskorsi u kummenti ta’ mibegħda. Hi ħasra kbira u xi ħaġa kundannabbli għall-aħħar li fis-siti soċjali qegħdin naraw kull xorta ta’ kummenti ta’ mibegħda.
Meta se nitgħallmu nieqfu nużaw kliem u diskorsi ta’ mibegħda? Meta se nagħmlu l-pass li nkunu tolleranti lejn xulxin, anke lejn dawk li ma naqblux magħhom. Niġġieldu l-argumenti u mhux il-persuna. Nistgħu ma naqblux fuq idea jew
proposta.
Imma dak ma jtikx id-dritt li tagħmel kummenti ta’ mibegħda. Il-kampanji elettorali għandhom ikunu mibnijin fuq ideat, proposti u rispett lejn kulħadd. Meta
f’kampanja elettorali ikollok min jabbuża mil-libertà tal-espressoni u jirrikorri għal kummenti ta’ mibegħda, li jagħmel dan ikun li jżid it-tensjoni.
Dibattitu b’saħħtu jista’ jsir mingħajr insulti jew lingwaġġ li jxerred il-mibegħda.
Għandna min jaħseb f’pajjiżna li għax għandna l-libertà tal-espressjoni, dan itiħ id-dritt li jgħid li jrid ikun li jxerred kliem ta’ mibegħda.
Il-libertà tal-espressjoni tagħti d-dritt li persuna tesprimi l-opinjoni, il-ħsibijiet, it-twemmin u l-ideat tagħha mingħajr biża permezz tal-kitba, il-midja, kitba jew
anke protesti. Mingħajr biża li tispiċċa ikkastigata jew iċċensurata.
Biss dan ma jfissirx li dan id-dritt hu assolut u hemm limiti meta dan id-dritt ikun abbużat u jintuża biex iħeġġeġ il-vjolenza, jinċità mibegħda kontra grupp ta’ nies u jagħmel theddid.
Hi ħasra li f’dan pajjiżna, il-kummenti ta’ mibegħda li s-siti soċjali huma miżgħudin bihom qegħdin jibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn. Dan l-abbuż mil-libertà tal-espressjoni, qiegħed ikollu u se jkompli jkollu effetti mill-aktar fuq is-soċjet`sa tagħna.
Fost dan hemm dik tal-firda u tensjoni fost in-nies. Ħolqien ta’ biża fost dawk li jkunu fil-mira. Oħrajn jagħżlu li jisktu biex ma jiġux attakkati huma ukoll. Nuqqas ta’ rispett. In-nuqqas ta’ azzjonijiet konkreti kontra dawn il-kummenti, bil-mod il-mod tibda twassal għan-normalizazzjoni tal-aggressività.
Nemmnu li f’dan pajjiżna hemm bżonn li dan ilfenomenu jkun trattat. M’hemmx dubju li l-aħjar mod kif ikun trattat hu bl-edukazzjoni. Qegħdin nifhmu edukazzjoni dwar responsabblità online. Inħeġġu il-ħsieb kritiku. Noħolqu kultura fejn niddibattu l-argumenti, u għaliex anke b’mod qawwi, imma mhux nattakkaw personali.
Dan il-fenomenu niġġielduh billi noħolqu klima li tenfasizza fuq irrispett. Il-kummenti ta’ mibegħda li kkaratterizzaw diskussjonijiet online fl-aħħar jiem, juruk li għandha klima soċjali polarizzata. Nies maqsumin f’opinjonijiet opposti, u fejn id-djalogu hu nieqes ferm.
Għaliex għandna naraw bħala ‘għadu tagħna lil min ma jaqbilx magħna. Lil min għandu opinjoni totalment differenti minn tagħna. Biex ikollna soċjetà demokratika b’saħħitha ma jfissirx li kulħadd għandu jaqbel. F’soċjetà demokratika, in-nies jistgħu ma jaqblux bejniethom iżda dan iris sir mingħajr theddid, mibegħda jew li tiddemonizza lil min ma jaqbilx miegħek.
Soċjetà demokratika b’saħħitha tinbena fuq diskussjoni li ssir b’mod
ċivili, kontabilità u rispett.

