Sunday, May 24, 2026

Iffirmat qafas ġdid ta’ kollaborazzjoni li jimmarka l-pass li jmiss għall-proġett tal-Forti Bengħisa

Organizzat ftuħ speċjali tal-Forti Bengħisa għall-pubbliku

Aqra wkoll

Heritage Malta ffirmat formalment ftehimiet mal-Assoċjazzjoni tal-Iscouts u mal-Għaqda Storja Birżebbuġa, li jistabbilixxu qafas kollaborattiv għat-tmexxija, il-konservazzjoni u l-użu komunitarju fit-tul tal-Forti Bengħisa.

Dawn il-kollaborazzjonijiet huma pass strutturat li jibda t-triq lejn l-implimentazzjoni tal-viżjoni ta’ Heritage Malta għal dan is-sit storiku, u jqiegħed is-sisien għat-tmexxija u t-trasformazzjoni gradwali tiegħu fi spazju ta’ wirt kulturali aċċessibbli għall-komunità.

Fl-istess waqt għaddejjin diskussjonijiet biex isir ftehim ieħor ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal “Dan il-qafas ġdid ta’ kollaborazzjoni huwa pass importanti biex il-Forti Bengħisa jingħata ħajja ġdida u jinfetaħ aktar għall-komunità. Permezz ta’ din il-ħidma ma’ entitajiet volontarji u organizzazzjonijiet impenjati fil-ħarsien tal-wirt tagħna, qed nassiguraw li dan is-sit storiku mhux biss jiġi kkonservat, iżda wkoll jintuża b’mod attiv għall-edukazzjoni, il-kultura u l-parteċipazzjoni komunitarja.” Huwa rringrazzja wkoll lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa tal-koperazzjoni, sostenn u għajnuna f’dan il-proġett.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, ikkummenta: “Wara li l-forti ġie fdat f’idejn Heritage Malta, issa wettaqna l-wegħda tagħna u bdejna l-proċess biex noħolqu pjan ta’ tmexxija sod, imsejjes fil-komunità. Bl-għajnuna ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, qed nimmiraw li noħolqu spazju fejn il-pubbliku mhux biss japprezza l-istorja iżda wkoll jgħixha.”

Permezz tal-ftehimiet formalizzati – iffirmati simbolikament waqt ftuħ speċjali tal-forti organizzat minn Heritage Malta – l-imsieħba impenjaw ruħhom għal mudell ta’ immaniġġjar koordinat li jgħaqqad flimkien il-konservazzjoni tal-patrimonju, l-impenn edukattiv u l-parteċipazzjoni tal-komunità, dejjem taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta.

L-Assoċjazzjoni tal-Iscouts se jkollha spazji ddedikati fil-forti għal avvenimenti u attivitajiet organizzati minnha, inkluż ikkampjar, filwaqt li se tikkontribwixxi għall-manutenzjoni tas-sit permezz ta’ preżenza attiva u involviment regolari.

L-Għaqda Storja Birżebbuġa se jkollha rwol importanti fit-tisħiħ tar-riċerka u l-interpretazzjoni storika, u inizjattivi usa’ li jwasslu s-sit għand in-nies.

Il-ftehim iwitti t-triq biex il-Forti Bengħisa jiġi żviluppat progressivament bħala sit storiku li jaqdi diversi funzjonijiet. Il-viżjoni fit-tul ta’ Heritage Malta tinkludi l-ftuħ tal-forti bħala spazju pubbliku aċċessibbli, li jilqa’ wkoll annimali domestiċi, li jintegra l-wirt kulturali mar-rikreazzjoni fil-beraħ u mal-esperjenzi edukattivi, filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien xieraq tiegħu.

Waqt il-ftuħ speċjali tal-forti organizzat is-Sibt minn Heritage Malta, il-pubbliku numeruż li attenda kellu l-opportunità li jieħu idea ċara ta’ din il-viżjoni permezz ta’ filmati b’impressjoni artistika ta’ kif mistenni jkun jidher il-proġett ladarba jitlesta.

Il-Forti Bengħisa, mibni bejn l-1900 u l-1902, huwa l-aħħar fortifikazzjoni fl-istil Vittorjan mibni fil-Gżejjer Maltin u l-akbar wieħed fosthom f’termini tal-medda li jkopri – madwar 45,000 metru kwadru. Ikkaratterizzat minn adattament kontinwu – mill-ewwel żminijiet meta s-sit kien jakkomoda kanuni breech-loading u l-użu militari tiegħu anke wara li l-artillerija kostali ġiet abolita fl-1956, sa ma eventwalment ġie dekummissjonat fil-bidu tas-snin sebgħin – l-istorja tal-forti tirrifletti l-evoluzzjoni usa’ tal-istrateġija tad-difiża kostali ta’ Malta matul is-seklu 20.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport