Sunday, December 29, 2024

Telfiet kbar għall-Konservattivi Ingliżi fl-elezzjonijiet każwali

Aqra wkoll

Il-kandidati Laburisti li kkontestaw l-elezzjonijiet każwali rnexxielhom jirbħu s-siġġijiet fil-Mid Bedfordshire u Tamworth li għal ħafna snin kienu miżmumin mill-Konservattivi. F’Mid Bedfordshire, il-Partit Laburista għeleb maġġoranza ta’ 24,664 li kellhom it-Tories biex rebaħ is-siġġu għall-ewwel darba. Fil-kostitwenza ta’ Tamworth kien hemm swing ta’ 23.9% favur il-Partit Laburista.

Il-Mexxej Laburista Sir Keir Starmer iddeskriva dan ir-riżultat elettorali bħala li l-Labour qed ifassal mill-ġdid il-mappa politika tal-Ingilterra. Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Partit Konservattiv, Greg Hands, irrimarka li r-riżultati kienu diżappuntanti u li l-akbar problema kienet li l-votanti Konservattivi baqgħu d-dar u ma ħarġux jivvutaw għaliex ma kinux kuntenti bit-tmexxija tal-Gvern.

Skont l-istħarriġ nazzjonali li sar, ir-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet każwali taw spinta lill-Partit Laburista qabel elezzjoni ġenerali li mistennija ssir is-sena d-dieħla. Il-kostitwenza, fil-biċċa l-kbira rurali ta’ Mid Bedfordshire, kienet rappreżentata mill-Partit Konservattiv sa mill-1931 u qatt ma kienet intrebħet mil-Labour fl-istorja tagħha ta’ seklu sħiħ.

Il-maġġoranza ta’ 24,664 li kellhom il-Konservattivi kienet l-akbar li l-Partit Laburista qaleb f’elezzjoni parzjali mill-1945 u l-kandidat Laburista Alistair Strathern kiseb swing ta’ 20.5% biex rebaħ b’mnaġġoranza ta’ 1,192 vot.
Fid-diskors tar-rebħa tiegħu Strathern, eks kunsillier li ħadem għall-Bank of England, qal li r-residenti madwar Mid Bedfordshire għamlu l-istorja, u wara għexieren ta’ snin li ttieħdu for granted, ħassewhom li tħallew lura u ma kinux rappreżentati biżżejjed. Għalhekk ħassew li kien wasal iż-żmien għal bidla.

F’Mid Bedfordshire iżda, kien hemm tħassib serju fost il-partitarji Laburisti illi qasma fil-vot mal-Liberali Demokratiċi kontra l-Konservattivi setgħet twassal biex it-Tories jiksbu rebħa żgħira. Finalment il-Liberali Demokratiċi spiċċaw fit-tielet post iżda sostnew li kellhom rwol kruċjali biex jegħlbu lill-Konservattivi.

Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jkun hemm biss numru żgħir ħafna ta’ siġġijiet li jkunu kkontestati mit-tliet partiti kollha u jidher li l-Liberali Demokratiċi se jiffokaw ir-riżorsi tagħhom f’oqsma fejn kien l-isfidant ewlieni tagħhom ġie fit-tieni post. Il-mexxej tal-partit diġa ddikjarat li ma jkunu qed jagħmlu ebda ftehim ma’ partiti oħra u se jkunu qed jippreżentaw kandidati f’kull siġġu.

Flimkien ma’ tendenza jxaqilbu lejn il-Laburisti u l-Liberali Demokratiċi fuq ix-xellug, il-partit tal-lemin Reform UK kiseb voti wkoll, u ġab 1,487 f’Mid Bedfordshire u 1,373 f’Tamworth. Dan ifisser li t-Tories tilfu erba’ elezzjonijiet sekondarji fi tliet xhur biss.

F’Lulju, il-partit ġie megħlub ukoll f’Somerset u Frome mil-Liberali u f’Selby u Ainsty mil-Labour.

Ekonomija

Sport