Ma nafx min hu responsabbli għaż-żamma tajba tal-medda ħamrija li hemm fit-terminus tal-karozzi tal-linja tar-Rabat Għawdex. Medda li fiha wkoll monumenti. B’dispjaċir ngħid li din il-medda ħamrija tirrifletti biss telqa nobis. Meta saret oriġinarjament kien fiha għaxqa. Medda ħaxix aħdar, arbuxelli u pjanti jwardu, imma llum kollox żdingat. Kulħadd għaddej minn ġo fiha u rrendewha kollha passaġġi u ħaxix mgħaffeġ. Monument ta’ tifla ttajjar il-ħamiem jinsab mitluq għal kollox, bil-ħamiem stendut fl-art.
Fl-opinjoni tiegħi żball kardinali kien meta f’din il-medda ħaxix aħdar għamlu l-bankijiet, li trid jew ma tridx jattiraw in-nies għall-kenn tas-siġar. Kienu jkunu tajjeb il-bankijiet kieku madwarhom kien iċċangat u b’passaġġi speċifiċi, iċċangati wkoll, iwasslu għalihom. Illum fejn kien ħaxix huwa biss ħamrija mbalta. Jekk iridu li dan il-post jerġa’ jieħu r-ruħ li jrid isir huwa li jiddawwar b’railing tal-ħadid, jitneħħew il-bankijiet, tinqala’ u tinħadem il-ħamrija mbalta li hemm, jitħawwel ħaxix ġdid, jitnaddfu u jkunu rranġati l-monumenti u jingħalaq l-aċċess għalih. Jekk iridu jħallu aċċess allura jsiru passaġġi speċifiċi li minnhom ukoll ma jkunx hemm aċċess għal fuq il-ħaxix.
Ma ninsewx li din il-medda ħamrija, jew ġnien sejħilha li trid, qegħda fiċ-ċentru fejn jtemmu u jibdew il-vjaġġi tagħhom il-karozzi tal-linja imma wkoll fejn jaslu l-coaches bit-turisti. Sfortunatament, fil-kundizzjoni preżenti xejn ma jagħti impressjoni tajba.