Friday, July 26, 2024

Bernard Grech jgħid li “għandu par idejn sodi” biex isolvi l-problemi tal-pajjiż

Aqra wkoll

F’intervista fuq Net Tv, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija waħda li l-Gvern qiegħed jibża’ milli jagħmel “the right thing”. Qal li l-Gvern imexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jibża’ jindirizza problemi li ħoloq hu stess.

Fuq quddiem nett semma l-mudell ekonomiku li l-Gvern ikabbar il-popolazzjoni. Bernard Grech ammetta li b’dan il-mudell kibret l-ekonomija tal-pajjiż fejn inħoloq aktar xogħol. Iżda minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni hemm problemi kbar fl-infrastruttura, fl-ambjent u anke żieda fil-kriminalita.

Fl-istess waqt, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-unika investiment kapitali kbir li wettaq dan il-Gvern kien li rranġa u biddel ħafna mit-toroq ta’ pajjiżna. Biex ikompli bin-narattiva negattiva sostna li “iżda li rranġa t-toroq hu grazzi għal Unjoni Ewropea għax minn hemm ġejjin il-flus.”

Dr Grech semma wkoll li l-Isptar Mater Dei sar żgħir wisq u llum il-ġurnata ddum biex tieħu servizz. Stqarr li jekk il-Gvern se jkompli jkabbar il-popolazzjoni dawn il-problemi se jkomplu jikbru.

Fl-istess intervista l-Kap Nazzjonalista qal li l-poplu xeba’ minn dan il-Gvern għax ma jridx ibiddel il-mudell ekonomiku. Kompla jgħid li llum il-ġurnata l-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jifhem li biex ikun hemm biddla fil-mudell ekonomiku jrid ikun hemm Gvern Nazzjonalista fil-Gvern. Hu qal li jinsab ċert li n-nies se jkunu qegħdin ibiddlu l-Gvern.

Meta mistoqsi dwar x’inhi l-viżjoni ekonomika tal-Partit Nazzjonalista, Dr Grech qal li Gvern Nazzjonalista jtejjeb l-amministrazzjoni ambjentali fejn jinħoloq bilanċ bejn l-iżvilupp u l-kwalita tal-ħajja.
Qal li Gvern Nazzjonalista jara li jkun hemm responsabbilta soċjali fejn kulħadd jieħu gost li n-negozjatni jagħmlu l-flus, iżda fl-istess waqt ma ninsewx lil dawk li ma jistgħux jimxu ‘l quddiem.

Pilastru ieħor li tkellem dwaru Grech biex ibiddel il-mudell ekonomiku kien il-Governanza tajba. Qal li dan il-Gvern kontinwament qiegħed jattakka l-qrati u l-maġistrati għax m’għandux kontroll fuqhom.

Fl-istess intervista l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ semma l-qtugħ tad-dawl li kien seħħ matul is-sajf li għadda. Sostna li hu ddispjaċut mhux għax kien hemm nies li tilfu l-laħam li kellhom fil-friża, iżda għax tilfu l-ikel li kellhom fil-firdge. Qal dawn tilfu l-ikel għax il-Gvern baqa’ ma nvestiex. Tenna li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qiegħed isolvi l-problemi kollha.

Irrefera wkoll għal bdiewa fejn qal li dan il-Gvern iġġieled magħhom ukoll u mhux qiegħed jagħti kas dak li qegħdin jitolbu huma.

Hu temm il-messaġġ tiegħu billi qal li hu “għandu par idejn sodi” u bih Prim Ministru se jkun qiegħed jindirizza u jsolvi l-problemi kollha tal-familji Maltin u Għawdxin.

Ekonomija

Sport