Wednesday, July 24, 2024

“Għamilt żball”… tirriżenja l-President tal-Ungerija

Aqra wkoll

Il-President tal-Ungerija ħabbret ir-riżenja tagħha b’rabta mad-deċiżjoni li ħadet li tagħti maħfra lil raġel li nstab ħati li għen biex ma jsirx magħruf każ ta’ abbuż sesswali f’dar tat-tfal.

Din id-deċiżjoni ttieħdet is-sena li għaddiet iżda ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku matul dawn l-aħħar jiem wara rapport mis-sit tal-aħbarijiet lokali 444.hu, li ntlaqa’ b’rabja kbira u li wassal lill-Oppożizzjoni biex titlob għar-riżenja ta’ Katalin Novák.

F’indirizz televiżiv li xxandar is-Sibt li għadda meta ħabbret ir-riżenja tagħha, Novák irrikonoxxiet li għamlet żball u anke talbet apoloġija lil kwalunkwe vittmi li setgħu ħassewhom urtati bid-deċiżjoni li kienet ħadet.

László Kövér, il-kelliem tal-parlament tal-Ungerija u alleat ieħor mill-qrib tal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán, mistenni li b’mod temporanju jieħu r-responsabbiltà ta’ President sakemm il-Parlament jeleġġi president ġdid.

Din l-istess kontroversja ħolqot uġigħ ta’ ras politiku għal Orbán, li għamel kampanja dwar policies favur il-familja u ppreżenta lilu nnifsu bħala “l-avukat” għall-protezzjoni tat-tfal.

Ekonomija

Sport