Wednesday, July 24, 2024

Il-Karmelitani f’Malta se jinġabru fi tliet komunitajiet

Aqra wkoll

Fi tmiem l-ewwel sessjoni tal-Kapitlu Provinċjali tar-reliġjużi Karmelitani Maltin, immexxi mill-Pirjol Ġenerali bil-għajnuna ta’ żewġ Kunsillieri Ġenerali, ittieħdet id-deċiżjoni li l-Karmelitani jinġabru fi tliet komunitajiet. Dawn se jkunu s-Santwarju Bażilika tal-Belt, fil-komunità tal-Parroċċa tal-Fgura u fil-komunità (il-kunvent l-antik) tal-Parroċċa ta’ Santa Venera.

B’din id-deċiżjoni jfisser li l-komunità tal-Karmelitani mhux se tibqa’ preżenti fil-monasteru tal-Imdina, kif ukoll fil-Parroċċa tal-Balluta.

Id-deċiżjoni li kienet meqjusa bħala waħda diffiċli ħafna rat il-bidu tagħha f’Ottubru li għadda meta l-Karmelitanti kienu bdew il-proċess ta’ dixxerniment tal-preżenza tagħhom biex minn sitt komunitajiet jinġabru fi tlieta.

Dan kollu ġara fid-dawl li n-numru ta’ reliġjużi Karmelitanti f’pajjiżna qiegħed dejjem jonqos. F’Ottubru li għadda l-Pirjol Provinċjal, Patri Joseph Saliba kien qal li r-reliġjużi Karmelitani jixtiequ jgħixu l-ħajja komunitarja tagħhom b’impenn u responsabiltà akbar, kemm magħhom infushom, lejn xulxin u anki lejn il-Knisja.

Fl-aħħar jiem, matul din is-sessjoni, il-Karmelitani f’Malta għażlu wkoll Pirjol Provinċjal ġdid għat-tliet snin li ġejjin, bil-ħatra Patri Charles Mallia O.Carm.

Ekonomija

Sport