Monday, May 13, 2024

Temperaturi akbar mill-medja mistennija fl-Ewropa sa l-aħħar tas-sajf

... Il-bdiewa Maltn affetwati b'mod partikolari dawk li jkabbru t-tadam

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif il-mewġa tas-sħana battiet, qed jirriżulta li l-jiem ta’ sħana qawwija li kellna u li kienu f’perjodu itwal mis-soltu affettwaw b’mod qawwi ħafna lill-bdiewa. Jidher li l-aktar li intlaqtu kienu dawk li jkabbru it-tadam. Għalkemm m’hawnx stima sa issa kemm hu d-dannu għall-bdiewa tagħna, bidwi li tkellem magħna qalilna li jara li aktar minn 60 fil-mija tat-tadam li kellu jilħaq matul l-aħħar jiem spiċċa inqered bis-sħana. Il-bidwi qalilna li “is-sħana u l-lupa tant kienu qawwijin li kellna prodotti li allavolja konna qed insaqquhom xorta waħda spiċċaw inħarqu.”

Mario Salerno, espert fil-biedja organika f’kumment lis-sit Talk.mt iddikjara li “l-mewġa ta’ sħana ikkawżat diżastru sħiħ. Nikkalkula li 75 fil-mija tat-tadam intilef.  Anki pal tal-bajtar ġie affettwat. Kien hemm ħafna prodotti oħra li inħarqu bix-xemx qawwija u dan jiġri għax ma jiħdux ilma daqs kemm jitilfu”.

Il-bidwi li tkellem magħna qalilna li “kif ikun hemm kumpens meta jsiru ħsarat mill-maltemp, naħseb li wasal iż-żmien li ningħataw għajnuna għall-ħsarat mis-sħana qawwija. Il-prodotti tagħna ġew affettwati bil-kbir. Dan id-dannu sa issa qed jerfgħu biss il-bidwi”.

Il-fenomenu ‘El Nino’ se jkompli jaffettwa t-temp fin-nofsinhar tal-Ewropa – il-Meteorologa Janice Davila

Il-Meteorologa Janice Davila ibbażata fl-Istati Uniti f’kumment lil dan is-sit Talk.mt iddikjarat li t-temperaturi rekord huma kkawżati minn sensiela ta’ sistemi ta’ pressjoni għolja fil-Mediterran li se jkomplu għal madwar ġimgħa oħra. Il-fenomenu tat-temp magħruf bħala ‘El Niño’ li jsaħħan it-temperaturi ta’ wiċċ tal-baħar se jkompli jaffettwa ukoll it-temp fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Is-sħana tal-oċean bl-arja friska nhar it-Tlieta wasslet għall-maltempati, u s-sistema ta’ pressjoni għolja b’nuqqas ta’ xita, umdità baxxa u kundizzjonijiet elevati tar-riħ wasslu għan-nirien fl-Italja u l-Greċja.

Temperaturi rekord anke fil-baħar

Proprju fl-aħħar jiem il-baħar Mediterran irreġistra l-għola temperaturi. Filfatt nhar it-Tnejn il-baħar kellu temperatura rekord.  It-temperatura fil-wiċċ tal-baħar nhar it-Tnejn kienet ta’ 28.4C, li tfisser aktar mir-rekord li kien intlaħaq fis-sena 2003 meta dakinhar it-temperatura telgħet għal 28.25C.

L-Ewropa qiegħda tisħon b’rata aktar mgħaġġla

Rapport mill-aktar dettaljat tal-Copernicus Climate Change Service dwar din il-mewġa ta’ sħana jiddikjara li l-Ewropa qiegħda tesperjenza  fost l-aktar temperaturi għoljin għal dan is-sajf. Ir-rapport jiddikjara kif il-‘heat dome’ espandiet fuq in-nofsinhar tal-Ewropa. Ir-rapport isemmi kif diversi żoni fosthom il-Greċja, il-lvant ta’ Spanja, Sardenja, Sqallija u n-nofsinhar tal-Italja esperjenzaw temperaturi ta’ aktar minn 45 grad fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.

Jiżdiedu l-jiem ta’ sħanat qawwija ħafna

Ir-rapport jgħid li jekk il-‘heat dome’ ma titkissirx hu possibli li l-Ewropa tiffaċċja episodji oħra ta’ sħanat estremi matul dan is-sajfn dejjem jekk ma sseħħx bidla kbira fiċ-ċirkolazzjoni atmosferika ġenerali.

L-istress tas-sħana huwa l-impatt li l-ambjent għandu fuq il-ġisem tal-bniedem, u dan jgħodd  għat-temperatura, l-umdità, il-veloċità tar-riħ u fatturi oħra. L-informazzjoni miġbura għas-sajf tal-2023 sal-15 ta’ Lulju turi li partijiet kbar tan-Nofsinhar tal-Ewropa diġà raw sa 10 ijiem ta’ sħanat qawwija ħafna u partijiet tan-Nofsinhar ta’ Spanja esperjenzaw sa 30 jum ta’ sħanat qawwija. Is-sena li għaddiet, in-Nofsinhar ta ‘Spanja rat 50-60 jum ta’ sħanat qawwija u f’xi żoni żgħar, sa 70 jum, matul is-sajf kollu. 

Ir-rapport jiddikjara li madwar l-Ewropa, hemm xejra dejjem tiżdied  fl-ammont ta’ jiem fis-sajf li matulhom l-istress massimu tas-sħana jaqa’ fil-kategoriji ta’ ‘qawwi’ u ‘qawwi ħafna’. Fin-Nofsinhar tal-Ewropa, hemm ukoll żieda fin-numru ta’ jiem bi ‘stress tas-sħana estrema’. Is-sajf tal-2022 kellu l-ogħla numru ta’ jiem bi ‘stress qawwi ħafna mis-sħana’ f’rekord li jmur lura għall-1950.

“Fi żmien itwal, hekk kif il-klima tisħon, l-Ewropa qed tara numru dejjem jikber ta’ ġranet tas-sajf bi ‘stress tas-sħana qawwija ħafna’, u fin-Nofsinhar tal-Ewropa, numru dejjem jikber ta’ ġranet bi ‘stress tas-sħana estrema’. Studju riċenti fin-Nature Medicine indika li aktar minn 60,000 persuna fl-Ewropa tilfu ħajjithom minħabba l-mewġiet ta’ sħana estrema fis-sajf li għadda,” spjega Carlo Buontempo, Direttur ta’ C3S.

Ir-rapport jagħti l-persentaġġ ta’ ġranet li kienu bi sħanat qawwija ħafna matul is-sajf.  Jibda mis-sena 1950 u jasal sas-sena li għaddiet. Waqt li sas-sena 1990 ftit kienu is-snin li qabżu l-5 fil-mija ta’ ġranet bi sħanat qawwija. Mis-sena 2000 ‘l hawn tista’ tgħid li l-persentaġġ ta’ 5 fil-mija tal-ġranet bi sħanat qawwija fis-sajf inqabeż kważi kull sena. Mis-sena 2019 ‘lhawn il-persentaġġ ta’ jiem bi sħanat qawwija laħaq u xi drabi anke qabeż is-7.5 fil-mija.

Ir-rapport ta’ Copernicus jgħid li qed isegwi l-evoluzzjoni tal-istaġun u jiddikjara li x-xahar ta’ Ġunju kien rekord f’dawk li huma temperaturi ta’ sħana. Jgħid ukoll li l-ewwel 15-il jum ta’ Lulju kienu l-aktar 15-il jum sħan li kienu reġistrati. Dan ifisser li ċ-ċans li jkollna sajf li jikser ir-rekords għad-dinja mhix remota,” iddikjara Carlo Buontempo. 

Nirien jaħkmu għadd ta’ pajjiżi….rajna ukoll maltempati estremi fl-Italja ta’ Fuq

L-effett tal-mewġa qawwija ta’ sħana wasslet biex diversi pajjiżi inħakmu minn nirien qawwija. Fost dawn kien hemm Sqallija, il-Greċja, Spanja, Rodi u Korsika. F’Rodi kellhom saħansitra jiġu evakwati it-turisti.

Dak li seħħ, u anke informazzjoni li qiegħda tinġabar minn aġenti turistiċi, qed tqajjem l-argument jekk il-bidla fil-klima hix se taffettwa b’mod negattiv it-turiżmu fil-Mediterran.

Dawn l-argumenti qegħdin isiru wara li ammont kbit ta’ turisti kellhom jiġu evakwati minħabba n-nirien minn Rodi u minn Corfu. L-ajruport internazzjonali ta’ Rodi, spiċċa sar aktar jixbaħ lil żona bil-kampjijiet b’turisti diżorjentati.

Jekk nieħdu it-temperaturi naraw li f’żoni fi Spanja it-temperaturi kienu 15-il grad fuq il-livell medju għas-sajf, waqt li l-gżira ta’ Sardinja rat temperaturi ta’ 48 grad.

Waqt li pajjiż bħall-Greċja it-turiżmu jammont għal kważi kwart tal-Prodott Gross Domestiku u fi Spanja jammonta għal 12 fil-mija. Qiegħed jitqajjem ħafna l-argument li t-temperaturi għoljin jistgħu jwasslu biex igerrxu lit-turisti u dan billi dawn jibdew jagħżlu destinazzjonijiet oħrajn.

Diversi huma l-aġenti li qegħdin jargumentaw li ż-żieda fit-temperaturi se jwasslu biex ċertu destinazzjonijiet ma jibqgħux aktar popolari. Fi kliem dawn l-aġenti, il-Mediterran kollu jista’ jiġi affettwat minn dan.

Moody’s ukoll jiddikjaraw li l-mewġiet ta’ sħana jistgħu jnaqqsu t-turisti

Ta’ min jgħid li anke Moody’s irrimarkaw dwar il-mewġa ta’ sħana u ddikjaraw li t-temperaturi għoljin li qegħdin jolqtu n-nofsinhar tal-Ewropa jistgħu jwasslu biex jaffettwaw b’mod negattiv l-industrija turistika.

Aġenti oħra jargumentaw li sħana mhix se taffettwa

Waqt li hemm min qed jargumenta li temperaturi għoljin se jgerrxu t-turisti, aġenti oħra qegħdin jgħidu li t-turist li jfittex il-Mediterran jagħmel dan għax-xemx u għas-sħana. Diversi aġenti jirrimarkaw kif postijiet bħal Dubaj għandhom temperaturi għoljin imma xorta jattiraw lejhom għadd kbir ta’ turisti.

Aġenzija fil-Greċja tkellmet dwar dak li ġara f’Rodi u qalet li minkejja li ħafna turisti ġew evakwati, l-ammont ta’ kanċellamenti ta’ vaganzi kienu minimi. Filfatt aġenti kkummentaw kif f’ġurnata waħda wara l-evakwazzjoni f’Rodi waslu aktar minn 24,000 turist bejn il-Ħadd u t-Tnejn.

Il-mewġa ta’ sħana hi opportunità għall-bidliet

Imbagħad hemm aġenti u professjonisti oħra fis-settur turistiku li qegħdin jagħmlu argumenti differenti. Dawn qegħdin jgħidu li dak li se jiġri hu li s-settur turistiku se jinbidel. Jantiċipaw żieda fit-turisti li se jiġu fil-Mediterran iżda jgħidu li dan se  jwassal biex it-turisti ifittxu x-xhur xitwin jew dawk qabel jidħol is-sajf.

Dawn l-aġenti jemmnu li l-bidla fil-klima u sħanat qawwija tas-sajf fil-Mediterran se jwasslu biex it-turiżmu jkollu jevolvi.

Maltempata estrema fil-Lombardija u l-Veneto

Intant waqt li n-nofsinhar tal-Ewropa kien milqut minn dawn it-temperaturi estremi, fil-Lombardija u l-Veneto intlaqtu minn maltempata qawwija li anke għamlet ħalbiet qawwija b’ammont ta’ silġ kbir.

Dan il-maltemp ħalla ħames vittmi. Il-maltempata spiċċat b’siġar jinqalgħu minn posthom, ħsarat kbar f’residenti li spiċċaw bla saqaf u toroq mgħarrqa minn xita qawwija.  Fi Sqallija fejn it-temperaturi qabżu s-47.5C (117F) seħħew għadd ta’ nirien. Dawn ikkawżaw evakwazzjonijiet lejn diversi ‘resorts’ u postijiet turistiċi madwar il-gżira. L-ajruport ta’ Palermo ingħalaq temporanjament  wara li n-nirien laħqu iż-żoni madwar il-perimetru tal-ajruport. Aktar minn 200 persuna fittxew attenzjoni medika minħabba dħaħen li belgħu.

Sport