Tuesday, October 4, 2022

Ten-Pin Bowling – Nixtieq li nikkompeti f’kompetizzjoni barra minn xtutna li tkun miftuħa għal kulħadd – Melvin Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Melvin Galea – fil-jiem li għaddew ħa sehem f’tournament li jissejjaħ Bronze Cup, li fih kienu qed jikkompettu 28 bowlers (18 irġiel u 10 nisa). Dan kien maqsum f’jumejn, fejn fl-ewwel ġurnata ntlagħbu sitt logħbiet u minnhom jgħaddu l-aqwa tmienja biex jilagħbu f’Round Robin fil-ġurnata ta’ wara. Huwa kklassifika fir-raba’ post f’dan l-istadju, u ħareġ rebbieħ fl-aħħar stadju fejn rebaħ ħames logħbiet minn sebgħa u spiċċaj b’total ta’ 1893 pins.

Dan is-sit tkellem ma’ Melvin innfsu fejn tana iktar dettalji.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Ten-Pin Bowling u kif komplejt tevolvi fl-istess sport?

Minn dejjem kien sport li jattirani u li xtaqt nippratikah. Kont bdejtu ta’ età żgħira meta kelli 11-il sena, iżda kont waqaft wara sentejn peress li kont nippratika sports oħrajn. Erġajt bdejtu madwar tliet snin ilu, anke minħabba li kont għamilt żmien naħdem hemm u kont nara nies oħra jilgħabu, u nixtieq li nkompli nippratikah sakemm inkun nista’.

Agħtina iktar dettalji rigward l-aħħar unur prinċipali li rbaħt fil-jiem li għaddew.

Ħadt sehem f’tournament li jissejjaħ Bronze Cup, li fih kienu qed jikkompettu 28 bowlers (18 irġiel u 10 nisa). Dan kien maqsum f’jumejn, fejn fl-ewwel ġurnata ntlagħbu sitt logħbiet u minnhom jgħaddu l-aqwa tmienja biex jilagħbu f’Round Robin fil-ġurnata ta’ wara. Jien ikklassifikajt fir-raba’ post f’dan l-istadju, u ħrigt rebbieħ fl-aħħar stadju fejn irbaħt ħames logħbiet minn sebgħa u spiċċajt b’total ta’ 1893 pins.

X’inhuma l-unuri prinċipali li rbaħt fil-bowling kemm personali kif ukoll mat-team li tikkompeti miegħu u anki mat-tim nazzjonali?

Kemm ili nilgħab dan l-isport, hadt sehem individwalment f’diversi tournaments oħra lokali u ġejt it-tieni u t-tielet post rispettivament f’tnejn minnhom, li huma msejjħa Gold Cup u Silver Cup. Mat-team li nikkompeti mieghu, konna erbaħna il-lig tat-Tieni Diviżjoni sentejn ilu u b’hekk għamilna staġun nilgħabu fl-Ewwel Diviżjoni.

Hemm biżżejjed interess minn tfal u żgħażagħ fil-bowling fil-gżejjer Maltin?

Iva, nemmen li l-interess minn tfal u żgħażagħ għall-bowling żdied f’Malta maż-żmien. Sar hawn ħafna iktar atleti li jippratikaw l-isport illum il-ġurnata u li bosta minnhom huma żgħażagħ. Hija ħaġa sabiħa li dan l-isport qed jikber ġewwa pajjiżna u li l-unuri li qed jinkisbu jiġu aktar rikonoxxuti.

Finanzjarjament huwa diffiċli li wieħed jipprattika l-bowling? Xi bżonnijiet finanzjarji jinvolvi l-bowling?

L-isport tal-bowling, bħal diversi sports oħra, huwa pjuttost difficli finanzjarjament sabiex tipprattikah. Dan għaliex kull individwu li jippratikah irid ikollu l-apparat tieghu, li fosthom jinkludu l-boċċi personali, il-lockers u ż-żarbun, kif ukoll l-affarijiet li jintużaw għat-tindif ta’ dan l-apparat. Apparti hekk, hemm l-ispejjeż biex wieħed jieħu sehem f’tournaments u kompetizzjonijiet oħra li dejjem jinvolvu ħlas extra għalihom.

Il-media tippromwovi biżżejjed il-bowling f’pajjiżna?

Nemmen li sar hawn iktar għarfien dwar l-isport tal-bowling f’pajjiżna u li l-media saret tippromwovi iktar dan l-isport b’mod ġenerali. Iżda ma naħsibx li jingħata l-istess attenzjoni daqs sports oħra, u li l-media kapaċi jtejjeb dan l-għarfien b’iktar dettalji dwar x’inhu jiġri fix-xena ta’ dan l-isport. 

Il-bowling kif jgħinek fiżikament kif ukoll psikoloġikament?

L-isport tal-bowling jgħin kemm b’mod fiżiku iżda aktar b’mod psikoloġiku. Dan għaliex huwa sport ta’ ħafna konċentrazzjoni u ħsieb fil-mod ta’ kif jintlaghab, u li jġġielgħek tadatta ruħek skont iċ-ċirkostanzi tal-logħob. Għalhekk jeħtieġ ħafna prattika u dixxiplina biex tikber fih u tikkompetti kontra ħadd ieħor.

X’inhuma l-pjanijiet tiegħek għall-kumplament ta’ din is-sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ten-pin bowling?

Il-pjanijiet tiegħi huma li nkompli nitħarreġ u nikkompetti kemm jista’ jkun f’dan l-isport, sabiex il-livell ikompli jitjieb u nikseb unuri oħrajn. Nittama wkoll li jirnexxieli nirbaħ il-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni mat-team li nilgħab miegħu hekk kif issa bdejna staġun ieħor u ninsabu fl-ewwel post.

Għandek xi ħolma partikolari li tixtieq li ssir realtà fil-futur qrib?

Nixtieq li jkolli l-opportunità li nsiefer barra u nikkompetti f’dan l-isport f’xi kompetizzjoni li tkun miftuħa għal kulħadd. B’hekk inkun nista’ niggwadanja iktar esperjenza u nkun naf iktar xi tfisser li tilgħab f’pajjiż ieħor barra minn xtutna.

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjament partikolari wara dan is-suċċess kollu li rnexxielek tikseb matul il-karriera tiegħek sa issa?

Bla dubju ta’ xejn, nirringrazzja ħafna lill-coach tieghi Mark Spiteri li dejjem jagħtini l-appoġġ u l-pariri tiegħu waqt l-istħarriġ u kif ukoll waqt it-tournaments li nkun qed nikkompetti fihom. Dejjem nagħmel mezz li nisma’ min ħaddieħor li għandu iktar esperjenza minni biex nitgħallem minn dak kollu li jgħiduli, u navvanza iktar f’dan l-isport.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport