Wednesday, March 27, 2024

UNL – Malta megħluba mill-Estonja li ġew promossi għal League C

Aqra wkoll

Estonja ………2

Malta ………..1

F’Tallinn, Malta sfat megħluba 2-1 mill-Estonja biex dawn tal-aħħar ġew promossi għal League C tal-UEFA Nations League meta rebħu l-grupp.

Bla dubju, dan huwa di­żappunt hekk kif ma rnexxilniex nilħqu l-għan ewlieni.

Mal-ftuħ tal-partita tajna l-impressjoni li konna se nibnu pressjoni u nixħtu lill-avversarji fil-qoxra difen­siva tagħhom. Iżda b’mod gradwali l-Estonja reb­ħu nofs il-ground, b’Sergei Zenjov ikun il-metronomu tat-team tiegħu fejn beda jiddetta t-tempo tal-logħob bil-kos­truzzjoni offensiva kollha ħarġet minn saqajh.

U proprju fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, l-istess Zenjov rebaħ penalty meta sofra foul minn Jean Borg li proprju ntwera l-karta l- ħamra liema deċiżjoni kienet kemmxejn ħarxa.

Fit-tieni taqsima, minkejja li ksibna d-draw, l-avversarji rtiraw kemmxejn lura biex jissalvagwardjaw ir-riżultat u joperaw bil-kontrattakki biex ħames minuti mit-tmiem tawna d-daqqa mortali … peró l-Maltin, bi player inqas, urew karattru.

F’din il-partita, l-attakkant ta’ Oxford United, Jodi Felice Jones, iddebutta għal Malta wara li ngħata ċ-ċitta­dinanza Maltija ftit sigħat qabel il- logħba. Peró ftit li xejn impressjona.

Wara li ħriġna tajjeb, proprju fir-raba’ minuta sofrejna goal li ġie mħassar minħabba handsball. Iżda dan il-goal wasal meta Brandon Paiber tilef il-ballun fi tliet kwarti ta’ ground, bl-avversarji jolqtu l-lasta minn Konstantin Vassiljev li fl-azzjoni li segwit, il-ballun reġa’ ġie għand Vassiljev li xeħet cross fil-baxx biex Bogdan Vastsuk xeħet fix-xibka iżda mess il-ballun b’idu.

Fis-16-il minuta, il-goalkeeper Henry Bonello kien providenzjali għall-Maltin meta dawwar f’corner id-daqqa ta’ ras ta’ Rauno Sappinen mill-cross ta’ Henrik Purg.  Żewġ minuti wara, Cain Attard seta’ għamel aħjar meta minn azzjoni ta’ corner il-ballun wasal għandu f’tarf il-kaxxa iżda falla l-mira kompletament. Minuta wara, Ryan Camenzuli resaq viċin iżda x-xutt angolat tiegħu ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Fit-30 minuta, l-Estonja kellhom għal darb’oħra goal imħassar meta l-iskorer Sappinen kien f’pożizzjoni ċara ta’ offside. Seba’ minuti wara, Vassiljev kien għoddu ħasad lil Bonello b’xutt minn barra l-kaxxa wara li ngħata l-ispazju kollu biex javvanza u jfajjar kanunata lejn il-lasti Maltin.

U proprju fil-45 minuta, filwaqt li l-Estonja ngħataw penalty skorjat minn Rauno Sappinen, spiċċajna nilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Jean Borg. Fil-50 minuta, irbaħna pe­nalty meta Teniste mess il-ballun b’idu mill-cross ta’ Camenzuli … biex mill-11-il metru Teddy Teuma ma żbaljax. Fis-60 minuta, Sappinen xeħet cross insidjuż iżda Zenjov naqas li jagħmel kuntatt mal-ballun li kien jidħol fix-xibka.

Wara din l-azzjoni l-logħob kien konċentrat f’nofs il-ground … sakemm ħames minuti mit-tmiem Zenjov żmarka li Henri Anier li avvanza u antiċipa l-ħarġa ta’ Bonello billi pplejsja l-ballun fir-rokna tax-xibka.

ESTONJA: 12-Karl Jakob Hein, 2-Henrik Purg, 6-Markus Soomets, 10-Sergei Zenjov (17-Robert Kirss 94), 11-Henrik Ojamaa (7-Vlasiy Sinyavskiy 77), 13-Bogdan Vastsuk (20-Martin Miller 68), 14-Konstantin Vassiljev, 15-Rauno Sappinen (8-Henri Anier 68), 16-Joonas Tamm, 18-Karol Mets, 19-Ken Kallaste (23-Taijo Teniste 46) – Coach: Thomas Haberli

MALTA: 1-Henry Bonello, 2-Cain Attard (21-Shaun Dimech 72), 3-Ryan Camenzuli, 5-Jean Borg, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 11-Brandon Paiber (10-Jurgen Degabriele 72), 13-Enrico Pepe, 14-Alex Satariano (9-Luke Montebello 89), 17-Teddy Teuma, 20-Jodi Felice Jones (Steve Borg 46) – Coach:  Devis Mangia

REFEREE: Daniel Siebert (Ġermanja)

ASS. REFEREES: Jan Seidel, Rafael Foltyn (Ġermanja)

RABA’ UFF: Christian Dingert (Ġermanja)

SKORERS: R. Sappinen 45 pen, H. Anier 85 (E); T. Teuma 51 pen (M)

AMMONITI: A. Satariano (M); S. Zenjov (E)

TKEĊĊA: J. Borg 45 (M)

Ekonomija

Sport