Tuesday, April 23, 2024

Il-President Iranjan jgħid li l-mewt ta’ Amini għadha tiġi investigata

Jikkritika lill-pajjiżi tal-Punent u jwissi lid-dimostranti.

Aqra wkoll

Il-President Iranjan Ebrahim Raisi qal li l-każ tal-mara li mietet meta kienet fil-kustodja tal-pulizija għandu jiġi investigat, u dan wara jiem ta’ protesti. 

Meta kien qiegħed jitkellem waqt iż-żjara tiegħu fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa New York, Raisi akkuża lill-pajjiżi tal-Punent b’ipokrezija dwar it-tħassib li tqajjem rigward il-mewt ta’ Mahsa Amini. Amini mietet ftit tas-sigħat wara li ġiet arrestata mill-pulizija tal-moralità wara li allegatament ma kinitx liebsa l-ħiġab. Dan il-każ wassal għal għadd ta’ protesti madwar il-pajjiż u fihom minn tal-inqas 17-il persuna tilfu ħajjithom. Amini, li kienet mara Kurda mill-belt ta’ Saqez, mietet nhar il-Ġimgħa li għaddiet fl-isptar wara li kienet ilha tlett ijiem f’koma. 

Fid-dawl ta’ dan il-każ, Raisi fid-diskors tiegħu rrepeta l-konklużjoni li kienet ħarġet mill-awtopsja u qal li din il-mara mhux vera li ġiet imsawta mill-pulizija. Min-naħa tagħhom, il-pulizija qalu li din mietet minħabba “attakk tal-qalb”.

Iżda d-dimostranti mhux qed jaċċettaw il-konklużjonijiet tal-awtopsja, u qed jallegaw li Amini ġiet imsawta mill-pulizija. Skonthom il-pulizija sawtuha b’daqqiet ta’ bastun f’rasha u anke rabtet rasha mal-karozza tagħhom. 

Dwar dawn il-protesti, il-President Iranjan wissa lid-dimostranti u qalilhom li “atti ta’ kaos” mhux se jkunu aċċettati. Apparti hekk huwa akkuża lill-pajjiżi tal-Punent b’faċċoliżmu u semma każi ta’ qtil mill-pulizija ġewwa r-Renju Unit u l-Istati Uniti. Huwa qal li, “ta’ kuljum f’pajjiżi differenti, inkluż l-Istati Uniti, naraw nisa u rġiel imutu f’konfrontazzjonijiet mal-pulizija” u dwar dawn ftit li xejn nisimgħu.  B’rabta ma’ dan il-każ, l-Istati Uniti ħabbret li se tkun qiegħda tpoġġi fis-seħħ sanzjonijiet fil-konfront tal-pulizija tal-moralità. Id-dipartiment tat-teżor tal-Istati Uniti qal li dawn is-sanzjonijiet se jsiru minħabba l-abbuż fuq in-nisa u anke tad-drittijiet tad-demostranti. 

Sport