Sunday, December 22, 2024

Tennis Australia qed jibżgħu minn ġlied qalil jekk Djokovic jitħalla jieħu sehem

Aqra wkoll

L-awtoritajiet tat-tennis f’Melbourne  qed jibżgħu minn sitwazzjoni allarmanti fl-Australian Open fejn qed  jirrevedu l-arranġamenti tas-sigurtà, jekk finalment Novak Djokovic jingħata l-approvazzjoni biex jikkompeti.

Nhar it-Tnejn li għadda, wara li ħarġet l-aħbar li Djokovic seta’ jitpoġġa lura f’detenzjoni minkejja li rebaħ l-appell kontra l-Gvern Awstraljan fil-qorti, inqala’ ġlied bejn il-pulizija u l-partitarji Serbi fid-distrett tal-belt Awstraljan, bil-pulizija jipproteġu lilhom infushom bi spray tal-bżar.

B’Djokovic qed jingħata appoġġ massimu mill-partitarji tiegħu li jinkludu wkoll dawk li ma tlaqqmux, l-organizzaturi ta’ dan it-tournament ħabbru li se tissaħħa is-sigurtá waqt it-tournament ta’ nhar it-Tnejn li ġej, 17 ta’ Jannar.

Madanakollu, xejn m’għadu ċert jekk is-Serb hux se jitħalla jieħu sehem minkejja li rebaħ is-sentenza tal-qorti li qalbet id-deċiżjoni tal-Forza tal-Fruntiera biex titneħħilu l-viża.

Jekk titħalla jilgħab, Tennis Australia se jieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibbli biex jevitaw xeni li fl-2007 kienu ħarbtu dan it-tournament minħabba ġlied bejn players u partitarji Balkan, jiġifieri, bejn il-Kroati u s-Serbi. 

Is-sentimenti kienu qed jiżdiedu wara li l-Imħallef Anthony Kelly ħassar deċiżjoni li Djokovic kellu jinżamm jew jiġi deportat wara li kien irrifjutat id-dħul tard l-Erbgħa li għadda.

F’Belgrad il-familja tiegħu tat konferenza stampa oħra bil-missier tat-tennista Srdjan qal “Nappella lir-Reġina Eliżabetta, il-mexxej tal-Commonwealth, biex tintervjeni u tipproteġi d-drittijiet umani ta’ ibni u twaqqaf il-prosekuzzjoni politika li saret kontrih wara li mar fl-Awstralja.”

Madankollu, forsi l-aktar kumment qalil wasa mill-uffiċċju tal-Ministru tal-Immigrazzjoni, Alex Hawke, alleat mill-qrib tal-Prim Ministru Scott Morrison. Kien ċar li huwa seta’ jegħleb il-fehma teknika tal-qorti li l-liġi ma ġietx segwita biex twaqqaf lil Djokovic fil-fruntiera.

“Dan il-każ se jitressaq għad-diskrezzjoni tal-Ministru tal-Immigrazzjoni Hawke li jikkunsidra li jikkanċella l-viża tas-Sur Djokovic taħt il-poter personali tiegħu ta’ kanċellazzjoni fi ħdan l-Att dwar l-immigrazzjoni,” kienet tgħid l-istqarrija. “Il-ministru qed jikkunsidra l-kwistjoni u l-proċess għadu għaddej.”

L-Imħallef ordna li Djokovic jinħeles fi żmien nofs siegħa minn meta ngħata l-verdett tiegħu u l-player, li ma setax jagħmel eżerċizzju minn meta ħalla l-bażi tiegħu f’Marbella ġimgħa ilu, ma tilef l-ebda ħin biex imur Melbourne Park biex jagħmel it-taħriġ tiegħu.

Ekonomija

Sport