Alexander Zverev, li jinsab fit-tieni post fir-rankings mondjali, beda ċ-China Open fuq nota pożittiva meta għeleb lil Cameron Norrie 7-6 (1), 6-4 f’Beijing. Il-Ġermaniż ta’ 29 sena huwa l-ewwel seed tat-tournament wara li Jannik Sinner, in-numru wieħed fid-dinja u ċ-champion renjanti, irtira minħabba injury.
Zverev serva 15-il ace, iżda Norrie, li jinsab fl-40 post fir-rankings, offra sfida serja u rnexxielu jġiegħlu jiċċaqlaq ħafna madwar il-court. Il-Brittaniku kien punt biss ’il bogħod milli jirbaħ l-ewwel set, iżda Zverev żamm in-nervi u ddomina t-tiebreak 7-1. Fit-tieni set, iż-żewġ players żammew is-servizzi tagħhom sakemm Zverev kiser dak ta’ Norrie fl-10 game u għalaq il-partita mal-ewwel match point.
Fit-tieni rawnd, Zverev se jilgħab kontra Shang Juncheng jew Sebastian Baez.
Intant, Roman Safiullin għeleb lil Flavio Cobolli 6-3, 6-2. Fit-tournament tan-nisa, Zheng Qinwen għelbet lil Shi Han 7-6 (6), 4-6, 6-2 wara sagħtejn u 44 minuta. Zheng issa se tilgħab kontra Anna Kalinskaya.





