Saturday, December 21, 2024

Tennis – Frech Open: Zverev u Tsitsipas jirkupraw żvantaġġ ta’ żewġ sets

Aqra wkoll

Iż-żewġ players ikkwotati, Stefanos Tsitsipas u Alexander Zve­rev, għaddew għat-tielet round meta l-bie­raħ beda t-tieni round tal-French Open f’Roland Garros.

Il-Grieg Tsitsipas kellu jitħabat biex jegħleb lit-Taljan, Lorenzo Musetti, fis-sigħat bikrin ta’ fil-għodu meta wara li sab ruħu 2-0 minn taħt kellu jirrikorri għar-riservi kollha tiegħu biex ħareġ rebbieħ f’ħames sets, 5-7, 4-6 6-2 6-3 6-2.

Min-naħa tiegħu Zverev sab ostaklu diffiċli fl-Arġentin Sebastian Baez u anke hu mar 2-0 minn fuq fejn Zverev kellu juri r-reżiljanza kollha tiegħu biex ħareġ rebbieħ bil-punteġġ ta’ 2-6 4-6 6-1 6-2 7-5.

F’logħbiet oħra mill-ewwel round, l-Ispanjol Pablo Carrena Bu­sta, kellu jċedi kontra l-pressjoni li ħass mill-partitarji Franċiżi li ssapportjaw lil Gilles Simon qishom qed jaraw logħba football.

Simon kien fetaħ vantaġġ ta’ żewġ frames u wara li Carreno Busta kiseb id-draw kien Simon li ra lill-avversarju tiegħu jċedi tant li rebaħlu f’ħames sets, 6-4 6-4 4-6 1-6 6-4 f‘logħba li ntemmet fis-1.00 am.

L-Amerikan Steve Johnson u r-Russu Andriy Rublev kellhon jieħdu erba’ sets biex jgħaddu għat-tieni round. Huma tilfu l-ewwel set iżda dawru r-riżultat fejn Johnson għeleb liċ-Ċek, Jiri Vesely, 6-7 (4-7) 7-6 (7-4) 6-3 6-2 waqt li Rublev elimina lil Kwon Soon-woo tal-Korea t’Isfel, 6-7 (5-7) 6-3 6-2 6-4.

Il-player numru wieħed tad-dinja, is-Serb Novak Djokovic, kompla fit-triq it-tajba li jirbaħ il-21 titlu tal-Grand Slam meta għeleb lis-Slovakk, Alex Molcan, fi tliet sets, 6-2 6-3 7-6 (7-4).

Fil-kategorija femminili ċ-champion tal-US Open, il-Britannika Emma Raducanu, sfat eliminata meta wara li rebħet l-ewwel set hija ġiet imkaxkra fit-tnejn ta’ wara minn Aliaksandra Sasnovich tal-Belarus li ħarġet rebbieħa 3-6 6-1 6-1.

Żewġ rebbieħa oħra tal-passat, il-Belarussa Victoria Azarenka u l- Ġermaniża Angelique Kerber, komplew għaddejjin b’rebħiet kważi identiċi fejn Azarenka għelbet lill-Ġermaniża Andrea Petkovic 6-1 7-6 (7-3) waqt li Kerber għelbet lill-Franċiża Elsa Jacquemot 6-1 7-6       (7-2).

Il-Griega Maria Sakkari saret il-ħames seed mill-ewwel 10 li tilfet fl-ewwel erbat ijiem f’Roland Garros meta sfat megħluba 7-6 (7-5) 7-6 (7-4) miċ-Ċeka Karolina Muchova.

L-Amerikana Coco Gauff, li ċċe­leb­rat il-gradwazzjoni tagħha f’Pa­riġi l-ġimgħa l-oħra, għelbet lill- Belġjana Alison Van Uytvanch 6-1 7-6 (7-4) u issa tilgħab kontra Kaia Kanepi tal-Estonja li għelbet lill- Brażiljana Beatriz Haddad Maia 6-4 6-4.

L-Amerikana Amanada Anisimova, li eliminat lil Naomi Osaka fl-ewwel round, għelbet lill-Kroata Donna Vekic 6-4 6-1. Il-Kanadiża Leylah Fernandez avvanzat ukoll meta għelbet liċ-Ċeka Katerina Si­niakova 6-3 6-2.

Ekonomija

Sport