L-Amerikan Ben Shelton rebaħ l-ewwel titlu tiegħu tal-ATP Tour billi għeleb lil Aslan Karatsev fil-finali tal- Japan Open.
Shelton fajjar 18-il shots rebbieħa fi triqtu biex għeleb lir-Russu 7-5 6-1 f’84 minuta f’Tokyo.
Ir-rebħa tal-player ta’ 21 sena ratu jitla’ fil-15-il post fl-ogħla livell tar-rankings tal-irġiel li tħabbru lbieraħ.
“Dan fisser ħafna għalija u għat-team tiegħi. Ilna naħdmu ħafna mill-bidu biex nibnu l-logħba tiegħi u nirbħu titli fuq l-ATP Tour,” qal Shelton.
“Għamilt xi mixjiet profondi dan l-aħħar. Tara liċ-champions il-kbar, jispiċċaw ġimgħat sħaħ. Jirbħu titli, mhux biss jaslu sal-finali.”
*Fi Stokkolma, il-veteran Franċiż, Gael Monfils, sar biss ir-raba’ player ta’ aktar minn 37 sena li rebaħ titlu tal-ATP Tour meta spiċċa rebbieħ tal-BNP Paribas Nordic Open.
Il-Franċiż għeleb lill-kwalifikatur Russu, Pavel Kotov, 4-6 7-6 (8-6) 6-3 biex ingħaqad ma’ Roger Federer, Ivo Karlovic u Feliciano Lopez li għamlu din il-bravura.