It-tennista Spanjol, Rafael Nadal, irritorna fl-azzjoni b’telfa meta lagħab fid-doubles fil-Brisbane International iżda għadu ‘ma għalaqx il-bieb’ biex jilgħab fis-singles lil hinn minn dan l-istaġun.
It-22 darba champion tal-Grand Slam kien qed jilgħab l-ewwel logħba tiegħu fi kważi sena meta hu u Marc Lopez tilfu 6-4 6-4 kontra l-Awstraljani Max Purcell u Jordan Thompson.
Nadal saritlu operazzjoni fuq il-ġenbejn tax-xellug f’Ġunju li għadda u indika li dan l-istaġun x’aktarx se jkun l-aħħar tiegħu, iżda għadu ħerqan li jkompli jilgħab.
“Jekk inkun ħieles mill-injuries u jekk ma nsofri l-ebda uġiegħ, żgur li se nkompli nilgħab minħabba li nħobb din il-logħba u rrid nibqa’ nieħu pjaċir,” temm jgħid Nadal.