Friday, November 8, 2024

Tensjoni hekk kif “probabbilment” l-2024 se tkun sena oħra b’temperaturi rekord ta’ sħana

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Madwar 40 mexxejja u ministri tal-klima minn madwar id-dinja kollha, illum u għada se jiltaqgħu biex jiddiskutu l-prijoritajiet tal-Konferenza dwar il-Bidla tal-Klima tal-Ġnus Magħquda (COP29). Dawn il-laqgħat qegħdin jittellgħu proprju ftit jiem wara li aġenzia tal-klima tal-istess Ġnus Magħquda (UN), l-Organizzazzjoni Meteroloġika Dinjija, ħarġet twissija li hemm “probabbiltà kbira” li s-sena 2024 tkun sena oħra ta’ temperaturi rekord ta’ sħana.

Il-Ministri tal-Klima f’dawn il-jumejn se jkunu f’Kopenħagen fid-Danimarka biex ifasslu r-rotta għas-COP29. L-għan ta’ dawn il-laqgħat huwa li jimbottaw għal azzjoni klimatika u riżultat ambizzjuż tal-COP29. Fis-COP28 ta’ Diċembru li għadda, il-mexxejja dinjin qablu li jkun hemm tranżizzjoni biex bil-mod il-mod iwaqqfu l-użu tal-faħam, żejt u gass għall-produzzjoni tal-enerġija.

F’dawn il-laqgħat huwa mistenni li jippreżentaw pjanijiet nazzjonali ġodda dwar il-klima b’miri dwar l-emissjonijiet u miżuri biex tonqos il-produzzjoni ta’ fjuwils fossili. Il-laqgħat ministerjali dwar il-klima qegħdin jinvolvu ħidma kollettiva bejn il-pajjiżi biex jilħqu miri li jissalvagwardjaw l-ambjent li diġà jinsab f’livelli ta’ tniġġis inkwetanti.

Livelli ta’ tniġġis inkwetanti

Fil-fatt, l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija tal-UN (WMO) ħarġet twissija serja dwar iż-żieda fit-temperaturi globali. Din ikkwotat żidiet rekord li kellna s-sena l-oħra f’gassijiet tas-serra, żieda fit-temperaturi tal-art u l-baħar, kif ukoll il-problema tas-silġ idub b’ritmu mgħaġġel.

F’rapport ippubblikat  din il-ġimgħa d-WMO qalet li hemm probabbiltà kbira li l-2024 tkun sena oħra ta’ sħana rekord u quddiem dan ix-xenarju, talbet biex ikun hemmm aktar ħidma mill-mexxejja dinjin ħalli jreġġgħu lura s-sitwazzjoni klimatika għal livelli aċċettabbli.

Fir-rapport id-WMO, li hija bbażata f’Geneva, qalet li l-miri kruċjali fis-settur ambjentali li nillimitaw ż-żieda fit-temperaturi globali għal mhux aktar minn 1.5 gradi celcius, mhumiex se jintlaħqu. Tant hemm tħassib u tensjoni li fil-fatt inħareġ “red alert” – l-ogħla livell ta’ twissija.

Qbiżna l-limitu b’medja ta’ 1.56 gradi celcius

Skont is-Servizz tal-Bidla fil-Klima Copernicus tal-Unjoni Ewropea, fil-perjodu tat-12-il xahar bejn Marzu tal-2023 u Frar ta’ din is-sena qbiżna l-limitu b’medja ta’ 1.56 gradi celcius. Ingħad li s-sena 2023 irreġistrat ftit inqas mill-1.5 gradi celcius b’1.48 gradi celcius iżda, ġara li fil-bidu ta’ din is-sena kien hemm livelli rekord b’konsegwenza li l-medja ta’ dawn it-12-il xahar telgħet għal livell aktar minn dak li suppost inżommu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, insista li, “id-dinja qiegħda tindikalna sitwazzjoni kritika. L-aħħar rapport dwar l-istat tal-klima globali juri li l-pjaneta tinsab f’periklu. It-tniġġis mill-fjuwils fossili qiegħed jaggrava s-sitwazzjoni li ninsabu fiha”.

Jannar li għadda kien l-aktar Jannar sħun li qatt ġie rreġistrat

Min-naħa tiegħu, il-kap tad-WMO Omar Baddour, ippreċiża li wara l-avveniment ta’ El Nino huwa normali li jkun hemm ċertu żieda fit-temperaturi u għalhekk “ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert li l-2024 se tkun l-aktar sena sħuna. Iżda, li ngħid huwa li hemm probabbiltà kbira li f’din s-sena se jkollna rekord ġdid fuq dak irreġistrat fl-2023. L-aħjar huwa li nistennew u naraw. S’issa, Jannar kien l-aktar Jannar sħun minn kemm ilha tinġabar informazzjoni.”

L-aħħar informazzjoni maħruġa minn din l-Organizzazzjoni juru li fl-2023, aktar minn 90% tal-oċejani esperjenzaw mewġa ta’ sħana (heatwave) għal mill-inqas darba. Id-WMO qalet li l-impatt mill-mewġ ta’ sħana, għargħar, nixfa, nirien bla kontroll u ċikluni tropikali li kollha aggravaw minħabba l-bidla fil-klima, inħassu f’kull kontinent tad-dinja. Dawn affettwaw negattivament kemm il-ħajja tan-nies, kif ukoll l-għixien tagħhom.

Minkejja t-tensjoni u l-inċertezzi li hemm f’dan is-settur tant importanti għall-futur tagħna lkoll, id-WMO qalet li xorta għandha ftit ta’ tama fil-ħidma tagħha biex iżomm kontroll fuq it-temperaturi sħan ħafna. Dan grazzi għall-fatt li l-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli derivata mir-riħ, mix-xemx u mill-ilma, mill-2022 żdiedu b’aktar minn 50% għal 510 gigawatt.

Sport