Proprju 40 sena ilu bħal dan iż-żmien il-baħar Mediterran, b’mod partikolari iċ-ċentru tal-Mediterran kien spiċċa żona ta’ tensjoni kbira. Kien żmien meta l-Istati Uniti, kienet iddeċidiet li twettaq manuvri miltiari qrib il-Libja. Minn naħa tagħha il-Libja kienet irrispondiet anke b’intervista li Gaddafi kien ta lill-ġurnal fil-Greċja, li jekk l-Istati Uniti tattakka lil-Libja, huma kienu jwieġbu billi jattakkaw bażijiet tal-Istati Uniti fil-Mediterran.
Malta dakinhar kienet immexxija minn Karmenu Mifsud Bonniċi bħala Prim Ministru. Quddiem din it-tensjoni, kien iddikjara ċar u tond u dan b’riferenza għall-Istati Uniti li “manuvri militari qrib pajjiż huma atti ta’ provokazzjoni”.
Hu kien iddikjara fl-aħħar ta’ Jannar tas-sena 1986 li “manuvri militari ma jsirux għalxejn. Il-manuvri mlitari qrib pajjiż huma atti ta’ provokazzjoni. Ikunu qegħdin iqarrbu l-periklu li jew b’aċċident, jew b’intenzjoni ħażina, jew bi żball, tfaqqa’ l-gwerra. Dan għidnieh iktar minn tilet ġimgħat ilu lill-pajjiżi tal-Mediterran u min ma jridx jisma’ jista’ jkun hu l-ewwel wieħed li jbati jekk dan il-gwaj jiġi fuq il-Mediterran.”.
Kien iddikjara li “l-interessi tal-poplu tagħna huma li l-ħuġġieġa li tista’ taqbad minn mument għall-ieħor f’nofs il-Mediterran ma taqbadx. Din il-ħuġġieġa taqbad jekk jekk min hu b’saħħtu u kbir, jiġi jaqa’ u jqum mill-interessi tal-pajjiżi tal-Mediterran u jagħmel li tgħidlu rasu u b’kapriċċ. Aħna qegħdin ngħidu f’isem il-poplu Malti li m’hemm l-ebda raġuni jew ġustizzja li xi pajjiż tal-Mediterran jiġi attakkat. Jekk pajjiż tal-Mediterran jiġi attakkat, tqum waħda kbira fil-Mediterran. Ebda skuża ma’ hemm li tiġġustifika li xi ħadd iqabbad gwerra fil-Mediterran”.
It-tensjoni ma’ kinitx mal-Istati Uniti imma anke ma’ l-Italja li dak iż-żmien kienet immexxija mill-Prim Ministru Bettino Craxi.
Fuq dan il-kunflitt u biex jipprova jtemmu, kien ħadem ħafna Karmenu Mifsud Bonniċi li anke kien ippropona li Gaddafi u Craxi, jiltaqgħu bejniethom, xi ħaġa li ma saritx.
Il-Libja kienet iddikjarat li tqis il-miżuri kontriha bħala ‘dikjarazzjoni ta’ gwerra’. Ta’ min jgħid li s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Libja ma kellhom kważi appoġġ ta’ xejn mill-alleati Ewropej.
Sehem Malta għall-paċi
Intant il-Prim Ministru Malti, Karmenu Mifsud Bonniċi kellu laqgħa li damet 55 minuta mal-Prim Ministru Taljan, Bettino Craxi f’Palermo. F’din il-laqgħa hu għaddielu messaġġ mingħand il-Mexxej Libjan Muammar Gaddafi. Dan il-messaġġ kien ingħata minn Gaddafi innifsu waqt laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Malti fi Tripli fil-jiem li għaddew. Il-mezzi tax-xandir Taljani kienu taw prominenza kbira liż-żjara bla mistennija li Mifsud Bonniċi għamel fi Sqallija.
Is-sehem ta’ Malta għall-paċi li kien anke ġie rikonoxxut minn pajjiżi barranin kien rikonoxxut mill-Konferenza Nazzjonali Bijennali tal-GWU li għaddiet riżoluzzjoni b’appoġġ għall-ħidma diplomatika tal-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonniċi. Il-mozzjoni kienet tgħid li “din il-konferenza trid turi u tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Prim Ministru għall-ħidma siewja li qed jagħmel biex dawn il-gwerer bla bżonn jiġu evitati. Qegħdin ngħidu dan għax nafu li jekk tqum gwerra fil-viċin tagħna, dan ikun ifisser qerda lill-ekonomija tal-pajjiz, li din inbniet b’dan sagrifiċċji kbar. Din il-konferenza tosserva ukoll li din il-ħidma li qed jagħmel il-Prim Ministru hi iebsa imma la hemm ir-rieda u l-appoġġ, aħna ċerti li dak li qiegħed jagħmel qed jagħmlu għal Malta u l-pajjiżi tal-pajjiżi tal-Mediterran li huma mhedda bi gwerra bla bżonn”.
Kif bdiet it-tensjoni?
It-tensjoni kienet ħadet żvolta f’Diċembru tas-sena 1985, meta ħames ċittadini Amerikani nqatlu f’attakki terroristiċi fl-ajruporti ta’ Ruma u Vjenna. Il-Libja kienet ġiet akkużata b’dan, u l-President Amerikan Ronald Reagan ordna sanzjonijiet estiżi u ffriża l-assi Libjani fl-Istati Uniti. Fl-24 ta’ Marzu, il-forzi Amerikani u Libjani ħabtu fil-Golf ta’ Sidra, u erba’ dgħajjes tal-attakk Libjani għerqu. Imbagħad, fil-5 ta’ April, terroristi bbumbardjaw sala taż-żfin f’Berlin tal-Punent magħrufa li kienet frekwentata minn suldati Amerikani. Soldat Amerikan u mara Torka nqatlu, u aktar minn 200 persuna ndarbu, inklużi 50 suldat Amerikan. L-intelliġenza Amerikana allegatament interċettat messaġġi bir-radju mibgħuta mil-Libja lid-diplomatiċi tagħha f’Berlin tal-Lvant li jordnaw l-attakk tal-5 ta’ April fuq id-diskoteka LaBelle.
Fl-14 ta’ April, l-Istati Uniti rreaġixxew b’attakki mill-ajru kontra Tripoli u Banghazi. L-attakki twettqu minn 14-il ajruplan tal-attakk tan-navy A-6E bbażati fil-Mediterran u 18-il bomber F-111 minn bażijiet fl-Ingilterra. Kienu involuti wkoll bosta ajruplani oħra ta’ appoġġ. Franza rrifjutat li tħalli l-F-111s itiru fuq it-territorju Franċiż, li żied 2,600 mil nawtiku totali mal-vjaġġ mill-Ingilterra u lura. Tliet kwartieri militari ntlaqtu, flimkien mal-faċilitajiet militari fl-ajruport ewlieni ta’ Tripoli u l-bażi tal-ajru ta’ Benina fix-Xlokk ta’ Benghazi. Il-miri kollha ħlief wieħed allegatament intgħażlu minħabba l-konnessjoni diretta tagħhom ma’ allegata attività terroristika. L-ajrudromu militari ta’ Benina ntlaqat biex jipprevjeni lill-interċetturi Libjani milli jitilgħu u jattakkaw il-bombardieri Amerikani li kienu ġejjin.
Anke qabel ma ntemmet l-operazzjoni, il-President Reagan mar fuq it-televiżjoni nazzjonali biex jiddiskuti l-attakki mill-ajru. “Meta ċ-ċittadini tagħna jiġu abbużati jew attakkati kullimkien fid-dinja,” qal, “se nirrispondu b’difiża personali. Illum għamilna dak li kellna nagħmlu. Jekk ikun meħtieġ, se nagħmluh mill-ġdid.”
L-Operazzjoni El Dorado Canyon, kif kienet imsemmija bil-kodiċi, ġiet imsejħa suċċess mill-uffiċjali Amerikani. It-tifla adottiva ta’ 15-il xahar ta’ Qaddafi nqatlet fl-attakk fuq ir-residenza tiegħu, u żewġ subien żgħar tiegħu ndarbu.
Il-kunflitt kien sploda imbagħad fl-14 ta’ April tas-sena 1986, meta l-Istati Uniti nedew attakki mill-ajru kontra l-Libja b’ritaljazzjoni għal dak li kien issejjaħ bħala appoġġ u sponsor Libjan tat-terroriżmu kontra t-truppi u ċ-ċittadini Amerikani. L-attakk involva aktar minn 100 ajruplan tal-Forza tal-Ajru u l-Marina tal-Istati Uniti, u spiċċa fi żmien siegħa. Ġew milquta ħames miri militari u dawk li ssejħu “ċentri tat-terroriżmu”, inkluż il-kwartieri ġenerali tal-Mexxej Libjan Muammar al-Qaddafi.
L-argument li kien jinġab kien dak li l-Gvern ta’ Qaddafi ffinanzja varjetà wiesgħa ta’ gruppi Musulmani u anti-imperjali madwar id-dinja, minn gwerillieri Palestinjani u ribelli Musulmani Filippini sal-Armata Repubblikana Irlandiża u l-Black Panthers. Quddiem dan l-Istati Uniti kienet wieġbet billi użat is-saħħa tagħha u imponiet sanzjonijiet kontra l-Libja, u r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ nazzjonijiet marru għall-agħar.

