Iċ-Ċina ħabbret ilbieraħ li għaddiet liġi kontroversjali dwar is-sigurtà nazzjonali li permezz tagħha l-Gvern se jkollu aktar poteri fuq Hong Kong. Dan qed iżid fit-tensjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti.
Il-liġi, li saret wara l-protesti tal-massa fit-territorju semi-awtonomu u li tipprojbixxi atti ta’ seċessjoni u subverżjoni, fost offiżi oħrajn, għaddiet b’mod unanimu fil-Kungress Nazzjonali tal-Poplu fi 15-il minuta mil-laqgħa.
Din il-liġi mistennija tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju, li jimmarka t-23 annivesarju minn meta l-Hong Kong ingħata f’idejn iċ-Ċina mingħand il-kolonja Ingliża fl-1997. Fi trattat li kien ġie ffirmat dak iż-żmien, ir-Renju Unit u ċ-Ċina kienu ftehmu li Hong Kong jingħata garanzija ta’ 50 sena għal ċerti drittijjiet li mhumiex applikabbli fiċ-Ċina.
Hemm tħassib li din il-liġi l-ġdida se tneħħi minn dan il-ħelsien speċjali li jgawdi minnu Hong Kong u thedded l-indipendenza ġudizzjarja tat-territorju.
Barra hekk, din il-mossa taċ-Ċina qiegħda żżid it-tensjonijiet mal-Istati Uniti. Fil-fatt, is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Amerikan, Mike Pompeo qal li jekk iċ-Ċina qiegħda tittratta lil Hong Kong bħala pajjiż wieħed u b’sistema waħda, allura hekk għandhom jagħmlu huma wkoll u jwaqqfu l-esportazzjoni ta’ apparat militari u teknoloġiku Amerikan lejn Hong Kong.