Fost is-suġġetti li l-Parlament Ewropew iddiskuta t-Tlieta kien hemm riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Din saret wara l-anniversarju tat-tmien sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fuq din ir-riżoluzzjoni tkellmu l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin u numru ieħor ta’ MEPs minn gruppi differenti tal-PE.
Din ir-riżoluzzjoni, li kienet imbuttata l-aktar mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa u l-Partit Popolari Ewropew, qanqlet ir-reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li saħansitra appella biex l-Opppożizzjoni tirtira d-dibattitu kontra Malta fil-Parlament Ewropew. Il-Prim Ministru enfasizza li din ir-riżoluzzjoni filwaqt li għandha faċċata fuq is-saltna tad-dritt, l-effett tagħha u l-għan ewlieni warajha hu li tnaffar l-investiment milli jiġi f’pajjiżna.
Fl-intervent tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba kkwota silta mid-diskors tal-Prim Imħallef Malti li għamel ġimagħtejn ilu fejn stqarr: “Nixtieq nirringrazzja lill-Ministru tal-Ġustizzja li dejjem sema’ s-suġġerimenti tiegħi f’isem il-ġudikatura Maltija, suġġerimenti sabiex jissaħħu l-Qrati tagħna. Kien hemm dejjem rispett reċiproku bejnietna, rispett abbażi tal-irwoli kostituzzjonali rispettivi tagħna.”

Kien għalhekk li l-MEP Agius Saliba staqsa għalfejn dan l-attakk ieħor fuq Malta. Huwa nnota kif dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, diġà kien hemm ħames persuni li għaddew ġuri u kienu kkundannati filwaqt li fadal l-aħħar ġuri xi jsir.
“Nistaqsi x’qed jipproponi l-Parlament Ewropew? Li l-Prim Ministru Robert Abela jmur fuq il-Qrati tagħna u jgħidilhom sabiex iħaffu l-proċess? Kieku tkunu l-ewwel li tippuntaw subgħajkom lejna u tgħidulna li qed tindaħlu fix-xogħol tal-Qrati.
“Għedutlna li r-rule of law marret lura. Marret lura r-rule of law meta għaddejna mill-Parlament Malti medja ta’ liġi fix-xahar sabiex insaħħu r-rakkomandazzjonijiet li kellna?
“Marret lura r-rule of law meta għandna l-akbar ammont ta’ ġudikanti fl-istorja ta’ pajjiżna u tajniehom aktar għodod sabiex jaħdmu aħjar?
“Marret lura r-rule of law neħħejna l-poteri minn idejn il-politiċi sabiex tinħatar il-ġudikatra u għaddejniehom f’idejn Kummissjoni indipendenti? Marret lura r-rule of law meta ħloqna l-Avukat tal-Istat?,” kompla jistaqsi Agius Saliba.
Min-naħa l-oħra, huwa fakkar kif il-Partit Nazzjonalista, li huwa parti mill-grupp tal-EPP, ilu jirreżisti għal snin twal illi jkollna liġi tal-finanzjament tal-partiti. “Ilhom ħames snin sħaħ jiksru din il-liġi billi ma jippubblikawx il-finanzi awditjati tagħhom,” huwa żied jgħid.
Agius Saliba temm jappella lill-EPP sabiex “qabel jippuntaw subgħajhom lejn ħaddieħor jaraw illi jnaddfu daqsxejn darhom.”
“Tentattiv ieħor biex itappan isem Malta” – Daniel Attard
L-MEP Daniel Attard qal li dan id-dibattitu mhu xejn għajr tentattiv ieħor biex itappan isem Malta. “Ma nafx kif ċertu nies ma jistħux jinqdew bi qtil ta’ ġurnalista biex iservu l-aġenda politika tagħhom,” tenna Attard.

Huwa qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien u jibqa’ kundabbali però ma tridx tkun xi professur tal-liġi u espert politiku biex tagħraf li f’Malta sar progress fil-qasam tal-ġustizzja u anke fil-qasam tal-libertà tal-kelma u l-protezzjoni tal-midja.
“Hemm sfidi, mela le. Bħalma hemm f’kull pajjiż ieħor Ewropew. Imma li tgħid li Malta sejra lura huwa qerq sfaċċat. Allura meta nkunu kuntenti bil-progress f’pajjiżna? Meta jkun hemm Gvern differenti? Meta jkun hemm Gvern Nazzjonalista? Għaliex s’hemm jafu min iġib il-poter qabel il-pajjiż,” qal Attard.
“U allura lill-kollegi sħabi Maltin li jaħdmu kontra pajjiżhom fil-PE ngħidilhom: Billi tħammġu isem Malta, m’intom se tiksbu ebda rispett u lil sħabhom konservattivi li jippretendu li jiġu hawn u jagħtu lezzjoni lil Malta filwaqt li pajjiżhom jibqgħu jbigħu l-armi biex jintużaw f’ġenoċidju, ngħidlhom biex tiskonġra trid tkun pur,” temm jgħid l-MEP Attard.
“Wasal iż-żmien li naħdmu għall-ġustizzja għal kull ġurnalist” – Thomas Bajada
Min-naħa tiegħu, l-MEP Thomas Bajada stqarr li sena wara l-oħra dan il-Parlament jintalab jiddibatti fuq dan il-qtil makabru. Fl-istess waqt seħħ attentat b’karozza bomba fuq Sigfrido Ranucci f’Ruma u l-qtil ta’ 272 ġurnalist f’Gaża. “Dan kollu jkompli juri li l-ġurnaliżmu, it-tfittxija għal verità, jinsab taħt theddida kullimkien,” qal Bajada.

“Nemmen li kulħadd jixtieq ġustizzja. Bħalma ħdimna għaliha aħna bħala Maltin, issa wasal iż-żmien li bħala Ewropej, naħdmu għal ġustizzja għal kull ġurnalist. Dan għaliex jekk verament irridu nagħtu ġustizzja lil Daphne, irridu nagħtu ġustizzja lill-ġurnalisti kollha u mhux bir-rule of law biss meta jaqbel lilna,” huwa żied jgħid.
“Ejja mmorru lil hinn mill-politika partiġġjana, lil hinn mill-EPP kontra Gvernijiet Soċjalisti, lil hinn min-Nazzjonalisti u l-Laburisti, u minflok ejja nagħtu t-tama lin-nies u mhux pika u konfrontazzjoni. Ejja nipproteġu lill-ġurnalisti kollha fit-tfittxija tal-verità. Ejja nkunu dejjem flimkien u mhux biss meta jaqbel lilna sabiex verament niksbu l-ġustizzja Ewropea.”
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa rringrazzja lill-PE talli “għal tmien snin sħaħ kien fuq in-naħa tal-poplu Malti u Għawdxi” u anke talli qed jonaraw il-memorja ta’ Daphne. Filwaqt li qal li hu skorrett li ngħidu li ma kienx hemm kambjamenti, Casa qal li fadal ħafna xi jsir.
Casa qal li l-familja ta’ Daphne għadha tistenna l-eżitu fil-każ tal-allegat mandant u stqarr li hemm rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika li skontu għadhom ma twettqux. Tenna li rridu niddefendu lill-ġurnalisti biex ikomplu jagħmlu xogħolhom u jiżvelaw il-verità.
Tkellem ukoll l-MEP Nazzjonalista Peter Agius li qal li f’Malta kien hemm min riedx li jitkellmu fuq Daphne.