Friday, July 26, 2024

Test tad-DNA jikkonferma li tewmin ma kinux tiegħu

… il-Qorti tordna t-tneħħija ta’ kull tip ta’ referenza li teżisti bejn ir-raġel u ż-żewġt itfal konċernati

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Familja, laqgħet it-talba ta’ raġel sabiex titneħħa kull tip ta’ referenza li hemm bejnu u bejn tnejn mit-tliet ulied li twieldu fil-perjodu taż-żwieġ tiegħu ma’ martu wara li ġie kkonfermat li mhuwiex il-missier naturali tagħhom.

F’rikors li ppreżenta r-raġel, huwa spjega li hu u martu kienu ngħaqdu fiż-żwieġ fl-2011 u li fl-2015 iffirmaw il-kuntratt tas-separazzjoni. Iżda kien propju xi żmien wara li ġie ffirmat dan il-kuntratt li r-raġel iddeċieda illi jagħmel test tad-DNA, fuq parir ta’ nies viċin tiegħu, għaliex kellu dubju serju li tnejn miż-żewġt ulied, li huma tewmin, ma kinux l-ulied bijoloġiċi tiegħu, kif fil-fatt kien ikkonfermat aktar tard permezz ta’ testijiet ġenitiċi.

Huwa xehed li hu u martu ltaqgħu l-ewwel darba iktar minn 10 snin ilu fejn wara xi żmien jgħixu flimkien kienu żżewġu. Fisser ukoll li wara t-twelid tal-ewwel tarbija kienu emigraw lejn l-Awstralja, però, wara xi ħames xhur jgħixu hemm, il-mara qabdet u ġiet lura bit-tarbija.

Qal ukoll li eventwalment hija kienet infurmatu li ħarġet tqila b’tewmin, però, saħaq jgħid li appena telqet mill-Awstralja hija bdiet ittella’ ritratti fuq il-midja soċjali ma’ rġiel oħra, kif ukoll li l-mara ma ħallitux imur jara lit-tewmin meta twieldu u li familtha qalulu li mhuwiex missierhom.

Fl-istess xhieda, huwa kompla jfisser li wara t-twelid tat-tewmin kienu reġgħu marru jgħixu flimkien iżda beda jirċievi għadd ta’ theddid mingħand il-kunjatu. Fosthom ġie mhedded li jekk ma jiffirmax il-kuntratt tas-separazzjoni li għamlet l-avukat ta’ missier il-mara, hu jew ibnu kienu se jispiċċaw maqtula.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, laqgħet it-talba tar-raġel u ordnat li l-kunjom tat-tewmin għandu jkun dak ta’ ommhom minħabba li hu mhuwiex il-missier naturali tagħhom, kif ukoll li titneħħa kull tip ta’ referenza li kien hemm marbuta bejn ir-raġel u t-tewmin.

Ekonomija

Sport