Sunday, December 22, 2024

Teva Malta żżid l-investiment fl-enerġija nadifa b’installazzjoni ta’ sistemi Fotovoltajċi 

Aqra wkoll

Teva Malta ħabbret l-installazzjoni ta’ żewġ sistemi Fotovoltajċi (PV) mill-aktar avvanzati, b’potenza massima kombinata ta’ 631kWp, fl-impjant tagħha f’Bulebel.

Din l-inizjattiva hija parti mill-istrateġija globali ta’ Teva Pharmaceuticals biex telimina l-użu tal-karburanti fossili u tħaddan sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u ġiet attwalizzata bi sħubija ma’ Alternative Technologies Ltd, is-sħab ewlenin ta’ SunPower għall-Malta, u Photonika Ltd.

L-installazzjoni tas-sistemi Fotovoltajċi ġiet immarkata fi żjara speċjali mill-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Dr Miriam Dalli, li daret il-faċilitajiet u rat b’mod dirett il-kapaċitajiet operattivi u l-impatt li dawn l-installazzjonijiet se jkollhom fuq Teva Malta. 

Il-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, saħqet li “L-installazzjoni ta’ dawn is-sistemi Fotovoltajċi f’Teva Malta hija pass kruċjali lejn il-bidla ta’ pajjiżna għal aktar enerġija rinnovabbli. Dan il-proġett huwa eżempju veru ta’ kif l-industriji Maltin jistgħu jkunu minn ta’ quddiem fit-triq lejn is-sostenibbiltà. Billi nħaddnu soluzzjonijiet innovattivi ta’ enerġija nadifa, mhux biss qed innaqqsu l-marka tal-karbonju tagħna, iżda wkoll nibnu Malta aktar ekoloġika u aktar reżiljenti. L-impenn ta’ Teva Malta għall-enerġija rinnovabbli huwa allinjat perfettament mal-viżjoni nazzjonali tagħna biex niksbu futur sostenibbli għal kulħadd.”

Patrick Cachia, Direttur Maniġerjali ta’ Teva Malta, stqarr: “It-tlestija ta’ dawn l-installazzjonijiet tas-sistemi Fotovoltajċi huwa pass importanti fil-vjaġġ tagħna lejn is-sostenibbiltà. L-impenn ta’ Teva Malta għar-responsabbiltà ambjentali huwa integrat profondament fil-missjoni tagħna li ntejbu s-saħħa ta’ kullħadd. Bħala mexxejja fl-industrija farmaċewtika globali, Teva Pharmaceuticals tisfrutta teknoloġiji innovattivi u prattiki sostenibbli biex timminimizza l-impronta ambjentali tagħha.”

Iż-żjara fuq il-post kienet iggwidata minn Maurizio Cappello, Direttur tal-Inġinerija ta’ Teva Malta, li flimkien ma’ Marouska Bartolo, Energy and Compliance Senior Engineer, issorveljaw id-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġett. Is-Sur Cappello tkellem dwar l-aspetti tekniċi varji tas-sistemi Fotovoltajċi, filwaqt li wassal informazzjoni dwar id-disinn, il-funzjonalità, u l-integrazzjoni tagħhom fl-operazzjonijiet ġenerali ta’ Teva Malta u enfasizza l-benefiċċji sinifikanti.

Sal-lum, is-sistemi Fotovoltajċi diġà ġġeneraw 1.42GWh, ekwivalenti għal 554 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li ġew iffrankati. F’termini reali, is-sit ta’ Teva Malta f’Bulebel diġà qed jipproduċi 8% tal-konsum totali tal-enerġija tiegħu permezz ta’ enerġija rinnovabbli.

Sa mill-bidu tal-programm ta’ ġestjoni tal-enerġija, Teva Malta kkontribwiet għal tnaqqis ta’ kważi 18,000 Tunnellata ta’ CO2, u ffrankar kumulattiv ta’ enerġija ekwivalenti għall-konsum ta’ 9,000 dar Maltija.

L-installazzjonijiet jirrappreżentaw pass sinifikanti ieħor minn Teva Malta lejn il-kisba tal-miri ambizzjużi ta’ sostenibbiltà stabbiliti minn Teva Pharmaceuticals biex tikseb emissjonijiet netti żero fl-operat tagħha u fil-katina tal-valur sal-2045.

Ekonomija

Sport