Saturday, December 21, 2024

Tewmin b’marda rari li s’issa m’hawn kura għaliha b’inizjattiva biex jgħinu lil ħaddieħor

Jitkellmu il-ġenituri tat-tewmin Len u Jacob dwar il-maratona li se jorganizzaw

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-ulied għal kull ġenitur huma imħabba u għożża. Len u Jacob huma żewġ tewmin ta’ 10 snin mimlijin enerġija u pożittivitá. Minkejja li jbatu mill-kundizzjoni tal-Zwellinger, bħal kull tifel u tifla oħra jħobbu l-avventuri u jħobbu jiskopru l-affarijiet ġodda. 

Iddikjaraw dan Brian u Alison Galea, omm u missier it-tewmin meta tkellmu ma’ Talk.mt. Huma spjegaw kif minn testijiet illi saru fuq iż-żewġ subien, Len U Jacob irriżulta li qegħdin ibatu minn Infantile Refsume Disease magħrufa bħala ‘Zwellinger’.

Din il-kundizzjoni tolqot biss persuna minn miljun fejn l-ikel li huma jkunu qegħdin jieklu jagħmel ħsara qawwija lill-ġisem u li sa issa għad ma hemm l-ebda kura għaliha.   

Saħqu li meta saru jafu li t-tewmin tagħhom għandhom din il-kundizzjoni, bdew jaħdmu id f’id u jkunu ta’ spalla għal xulxin. Brian, missier Len u Jacob qal li minbarra li sab sapport mingħand tal-familja, fosthom minn ibnu l-kbir Isaac, sabu wkoll appoġġ mingħand diversi ħbieb.

Din il-kundizzjoni tirrikjedi li jsiru ħafna tipi differenti ta’ terapiji, li l-ispejjeż tagħhom mhumiex ftit. Minħabba din ir-raġuni, Alison u Brian iddeċidew li jniedu l-Len and Jacob Fund, sabiex ikunu jistgħu jiġbru fondi mill-pubbliku. B’kollox sa issa organizzaw żewġ avveniment.

Waħda mill-attivitajiet kienet mixja li saret mill-Bażilika tal-Mosta sal-Bażilika Ta’ Pinu u se saret oħra mis-Santwarju ta’ Marsaxlokk sas-Santwarju ta’ Pinu. Imqanqla b’ħafna emozzjoni, iż-żewġ ġenituri qalu li ż-żewġ avvenimenti  kienu suċċess u nġabru fondi biex jappoġġjaw it-terapiji għal Jacob u Len. 

Għal din is-sena l-istess timijiet u atleti qed iħejju ruħhom għal avveniment ieħor li se jseħħ is-Sibt 3 ta’ Ġunju. Rigward dan l-avveniment, il-familja Galea qalet li l-avveniment ta’ din is-sena huwa SwimRun. Dan mistenni jibda miċ-Ċirkewwa u jintemm il-Belt, fejn mistennija jgħumu tul il-bajjiet u jgħumu mat-toroq. 

Brian u Alison xtaqu jwasslu messaġġ lil pubbliku għaliex kollox iħoll u jorbot mill-pubbliku x’jirnexxielhom jiġbru bħala fondi. Huma qalu; “Nitolbu lill-pubbliku ikun ġeneruż magħna, sabiex jirnexxielna insibu kura għaż-żewġ anġli tagħna Len u Jacob’’.  

Aktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jagħti donazzjoni tinsab fuq il-paġna ta’ Facebook Len and Jacob Wellness Fund.

Ekonomija

Sport