Saturday, December 21, 2024

Tfajjel Tork jingħaqad lura ma’ nannuh wara iktar minn 100 siegħa qalb it-tifrik

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-imħabba li għandhom in-nanniet lejn in-neputijiet hija kbira wisq, tant li mhux darba jew tnejn nisimgħu l-frażi “Lit-tfal tat-tfal tkun tħobbhom iktar minn uliedek”. Xempju ċar huwa raġel anzjan mit-Turkija li f’intervista li kellu mal-midja Ingliża BBC qal li minkejja illi għandu 72 sena, lest li jqatta’ l-kumplament ta’ ħajtu jieħu ħsieb lin-neputi tiegħu daqslikieku kien ibnu stess.

Dan wara li sfortunatament l-qraba ta’ Aras, tifel ta’ ħames snin, spiċċaw kważi kollha mejta taħt it-terrapien kawża tat-terrimot li seħħ iktar kmieni dan ix-xahar fit-Turkija u s-Sirja. Ħut l-istess tifel – Hiranur ta’ seba’ snin u Alp ta’ disa’ snin – kif ukoll missieru tilfu ħajjithom, filwaqt li l-omm irnexxielha ssalva u qed tingħata l-kura meħtieġa fi sptar ieħor differenti minn tat-tifel tagħha.

It-tifel ċkejken kien wieħed mill-ftit mill-persuni li rnexxielu jinħareġ ħaj wara li qatta’ iktar minn 100 siegħa taħt it-terrapien ta’ daru fil-belt ta’ Kahramanmaras, it-Turkija.

Il-mument li fih ingħaqdu Aras u nannuh Mehmet kien wieħed kommoventi ħafna speċjalment meta wieħed iqis l-ammont ta’ sigħat li t-tifel għamel maqbud qalb it-tifrik.

Waqt l-istess intervista, ix-xwejjeħ Mehmet deher bilqiegħda maġenb il-komodina ta’ Aras ifarfar ix-xagħar skur tan-neputi tiegħu b’ġentilezza liema bħala. Mehmet iddeskriva lin-neputi tiegħu bħala tifel b’karattru onest u sinċier.

Ekonomija

Sport