Tfajla ta’ 28 sena minn San Pawl il-Baħar instabet ħajta li f’Ġunju ta’ sentejn ilu daħlet mingħajr permess fuq il-profil ta’ Facebook tal-eks raġel tagħha.
Josephine Calleja tressqet mill-Ispettur Saviour Baldacchino quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke.
L-Ispettur Prosekutur, Saviour Baldacchino qal fil-Qorti li l-każ seħħ fit-2 ta’ Ġunju ta’ sentejn ilu. Kien l-eks raġel tagħha li kien mar fl-Għassa tal-Qawra fej għamel rapport li xi ħadd kien daħal fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook. Kien hawn li r-raġel kien innota xi affarijiet mhux tas-soltu fuq Facebook, fosthom li kellu xi ħbieb ġodda.
Waħda minn dawn il-ħbieb kienet tfajla bl-isem ta’ Amy Borg u l-unika ħabiba li kellha din it-tfajla kienet l-eks martu. Ir-raġel daħallu suspett li l-profil ta’ Borg kien wieħed falz u kien inħoloq mill-eks martu għal xi skop.
Min-naħa tagħha, l-akkużata qalet li dakinhar li daħlet fil-profil tal-eks żewġha għamlet hekk għax ġietha l-kurżità waqt li binhom kien qed jilgħab il-mobile ta’ missieru.
Sostniet li hi kellha aċċess għal profil tal-eks żewġha għax kien iħallih miftuh. Skont il-mara għamlet profil falż għax ratlu ritratti ma’ nisa oħrajn u ndunat li kellu relazzjoni oħra.
Hija ammettiet li b’rabja ħadet ritratti mill-profil tal-eks raġel tagħha u wżathom biex permezz tal-profil falz li ħolqot tagħmel kuntatt mas-sieħba tiegħu.
Josephine Calleja ġiet illiberata bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien sena.