Grazzi għall-poplu Malti u Għawdxi permezz tad-donazzjonijiet li ta, tfajla Kolumbjana li mitielha l-għarus waqt li kienu f’Malta, se tkun tista’ tieħu l-fdalijiet tiegħu l-Kolumbja biex il-familja tagħtih l-aħħar tislima.
Permezz tal-mezzi soċjali, it-tfajla Daniela Caceres bdiet biex spjegat li hi u l-għarus tagħha Arturo Acevedo kellhom jitilgħu Pariġi għal żmien il-Milied li għadda. Madankollu spjegat kif il-pjanijiet li kellhom sfaxxaw fix-xejn hekk kif fit-8 ta’ Diċembru saru jafu li Arturo kellu l-luwkimja.
Caceres spjegat kif ġimgħa wara, l-għarus tagħha rċieva l-ewwel trattament ta’ kimoterapija tiegħu u li t-tobba spjegawlu li l-kanċer kien aggressiv ħafna u li t-trattament kellu jkun intens. Qalet ukoll li l-ġimgħa ta’ wara, irċieva fażi oħra ta’ kimoterapija minn dahru u li sa dak il-punt, kollox kien sejjer bl-aħjar mod possibbli: Arturo ma kellu l-ebda uġigħ, l-ebda effetti sekondarji kbar, u l-progress tiegħu, fis-serjetà tas-sitwazzjoni, kien pożittiv.
Irrimarkat li fil-jiem ta’ wara, il-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar b’mod kostanti u li fit-23 ta’ Diċembru, wara diversi testijiet, it-tobba tawhom l-aktar aħbar devastanti, li Arturo tilef ħajtu.

