Wednesday, April 24, 2024

Tfajla Maltija tirbaħ titlu u tikklassifika fit-tielet post f’konkors tas-sbuħija f’Londra

Aqra wkoll

“Għadni kif ġejt lura mill-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tiegħi: ‘Princess of the Universe’. Kienet opportunità mill-aqwa; ħadna ritratti f’postijiet famużi f’Londra u ltqajt ma’ nies ġodda b’kulturi differenti”.

Qaltilna dan Shania Degiorgio, mudella Maltija, f’kummenti li tat lil dan is-sit b’rabta ma’ kompetizzjoni internazzjonali li ħadet sehem fiha fl-aħħar jiem fejn irnexxielha tirbaħ titlu għall-aħjar catwalk kif ukoll ikklassifikat fit-tielet post mill-kategorija tagħha.

Il-kompetizzjoni, li saret f’Londra matul il-weekend li għadda, inkludiet diversi pajjiżi, fosthom il-Filippini u l-Qatar kompliet tgħid Shania ma’ Talk.mt.

Shania hija tfajla ta’ 20 sena li bħalissa qed issegwi kors fl-Università ta’ Malta biex issir radjografa. Apparti l-immudellar, hija għandha għal qalbha wkoll l-ivvjaġġar u ż-żfin.

Hija ilha għal dawn l-aħħar sitt snin intiża fid-dinja tal-immudellar. Bħala mudella hija tieħu sehem kemm f’photoshoots (photo modelling) kif ukoll fuq il-catwalk. Hija ħadet sehem f’bosta konkorsi lokali tas-sbuħija tant li matul is-snin rebħet diversi titli, fosthom ‘Miss Teen Best Photo Model’, ‘Miss Beauty of Malta’, ‘Miss Gaffiero  Productions’, ‘Miss Locality Stars’ u ‘Miss Winter Elegance’. 

Rigward il-pjanijiet li għandha mħejjijin għall-futur b’rabta mal-immudellar u l-kompetizzjonijiet tas-sbuħija, hija qaltilna li fi żmien ġimagħtejn oħra se tkun qed tikkompeti f’waħda mill-ikbar kompetizzjonijiet li qatt ħadet sehem fihom s’issa – ‘Miss Supranational Malta’.

“L-akbar ħolma tiegħi f’dan is-settur hija li nirbaħ kompetizzjoni nazzjonali u mmur nirrappreżenta lil pajjiżi u li nagħmel lil Malta kburija billi nuża l-pjattaforma tiegħi bħala vuċi għal ħaddieħor,” temmet tgħidilna Shania.

Sport