Wednesday, November 27, 2024

Tfajla tingħata l-ħelsien mill-arrest u raġel jinżamm arrestat fuq pussess aggravat tal-kannabis

Aqra wkoll

Raġel ta’ 40 sena residenti Bormla nżamm arrestat, filwaqt li tfajla ta’ 24 sena residenti l-Fgura ngħatat il-ħelsien mill-arrest, wara li tressqu l-Qorti fejn kienu mixlijin b’pussess aggravat tad-droga kannabis.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li ż-żewġ akkużati, li huma Victor Degabriele u Chayenne Azzopardi, ġew arrestati lbieraħ waqt tfittxija li l-Pulizja wettqet f’residenza fi Triq San Tumas fil-Fgura.

Fir-residenza nstabu madwar 12-il pjanta tal-kannabis u bosta vażetti tal-ħġieg mimlijin qratas, b’sustanza suspettata droga kannabis, u oġġetti oħra relatati ma’ allegat traffikar tad-droga, fosthom imwieżen.

Il-Pulizija għamlet ukoll t-tfittxija fir-razzett tar-raġel li jinsab fiż-Żejtun, fejn hemm irriżulta li kien hemm ħames pajnti oħra tal-kannabis. 

It-tfajla kienet mixlija wkoll li ttraffikat il-kannabis u li kellha fil-pussess tagħha d-drog kokaina li ma kinitx għall-użu persoonali.  

Dan filwaqt, li r-raġel kien mixli wkoll li hedded numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija u li naqas li jħares kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti. Fil-Qorti, huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Il-Qorti pproseduta mill-Maġistrat Monica Vella laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tfajla b’depożitu ta’ €2,000 u b’garanzija personali ta’ €3,000. Madanakollu, il-Maġistrat Vella ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest tar-raġel. 

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa’ mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Keith Rizzo.

L-avukati li qed jidhru għall-akkużati huma l-Avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb u Roberto Spiteri.

Aktar kmieni: Tnejn arrestati b’rabta ma’ kultivazzjoni tal-pjanti tal-kannabis u droga kokaina

Investigazzjonijiet b’rabta ma’ allegat kultivazzjoni llegali ta’ pjanti tal-kannabis, wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 40 sena residenti Bormla u mara ta’ 24 sena residenti l-Fgura. 

Wara investigazzjonijiet illi saru, ilbieraħ, il-Pulizija, għamlet tfittxija f’residenza fi Triq San Tumas, Fgura. Hawnhekk, instabu madwar 12-il pjanta tal-kannabis, kif ukoll diversi vażetti tal-ħġieg mimlijin qratas, b’sustanza suspettata droga kannabis, u oġġetti oħra relatati ma’ allegat traffikar tad-droga, fosthom imwieżen. 

Saret ukoll tfittxija f’razzett tar-raġel, li jinsab fi Triq Wied il-Għajn, Żejtun, fejn instabu ħames pjanti oħra tal-kannabis. 

Fil-pussess tal-mara nstabet borża, b’sustanza suspettata kokaina. 

B’din is-sejba ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh. 

Ir-raġel u l-mara qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwarteri Ġenerali, il-Furjana. Huma mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tal-4:00 p.m quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella. 

Sport