Fit-tieni partita tagħhom tal-UEFA Development Tournament, it-tim nazzjonali Malti tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena, baxxa rasu għall-qawwa tat-tim nazzjonali Slovakk tal-istess kategorija u safa megħlub bl-iskor kbir ta’ 6-1.
L-iskwadra Slovakka tinsab viċin li tirbaħ il-kompetizzjoni komposta minn erba’ timijiet wara li rebħet l-ewwel żewġ logħbiet tagħha kontra Malta u l-Gżejjer Faroe (3-1 kull partita).
Il-kowċ Kathleen Saliba bdiet lil Nilayza Attard, Ylenia Azzopardi, Amber Galea, u Maia Gauci fil-formazzjoni inizjali għal din il-logħba wara li kollha ħarġu minn fuq il-bank kontra l-Latvja.
Il-captain ta’ Malta Lexine Farrugia ħolqot l-ewwel opportunità għal pajjiżna, iżda t-tentattiv tagħha mill-bogħod falla l-mira. Ftit wara, il-player ta’ Raiders Lija kompliet turi l-abbiltajiet tagħha hekk kif impenjat lill-goalkeeper tas-Slovakkja fl-azzjoni.
Madankollu kienet Emily Suchonova, li kkapitalizzat minn cross fuq il-lemin ta’ Michaela Pekarova biex għelbet lil Erika Muscat, u tefgħet lis-Slovakkja fil-vantaġġ.
Farrugia, kompliet tittestja lill-goalkeeper tas-Slovakkja mill-bogħod, iżda l-isforzi tagħha kienu ineffettivi.
Is-Slovakkja reġgħet sabet ix-xibka din id-darba permezz ta’ Lenka Plchova li mill-viċin għelbet lil Muscat.
Wara l-mistrieħ, Victoria Havalec żiedet il-vantaġġ għas-Slovakkja billi għelbet kemm lil difensur avversarju kif ukoll lill-goalkeeper sostituta Maltija, Maya Muscat.
Malta naqqset il-marġni tal-iskor hekk kif Farrugia approfittat minn żball tas-Slovakkja fid-difiża biex permezz ta’ xutt fil-baxx, irreġistrat l-ewwel gowl tagħha fil-kompetizzjoni.
Id-debuttanta Melania Glodova tas-Slovakkja skurjat ir-raba’ gowl tas-Slovakkja wara li daret mal-goalkeeper Muscat u tefgħet f’lasta vojta.
Sitt minuti mit-tmiem, Havalec żiedet il-ħames gowl tas-Slovakkja, biex ftit wara, skorjat goal ieħor, biex irreġistrat hat-trick fil-ħin miżjud.
Il-Gżejjer Faroe se jkunu l-aħħar avversarju ta’ Malta meta jiltaqgħu nhar it-Tnejn 17 ta’ April fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali fit-3.00pm.
MALTA: E. Muscat (M. Muscat 46); F. Bartolo, L. Farrugia (L. Calleja 74), A. Micallef, T. Scicluna, A. Vassallo (S. Saliba 65), N. Celeste (K. Micallef 65), N. Attard (L. Azzopardi 87), Y. Azzopardi (E. Micallef 35), A. Galea (S. Francalanza 74), M. Gauci (I. Abela 74) Coach: Kathleen Saliba
SLOVAKKJA: N. Krizanova; K. Tordajiova, M. Slukova, E. Marhekova, L. Plchova, S. Horvathova, H. Michalikova, M. Pekarova, N. Bobcekova, E. Suchonova (M. Glodova 74), S. Halasova Coach: Jozef Jelsic