Monday, February 16, 2026

TFAKKIR TA’ MALTEMP

Aqra wkoll

Ta’ spiss, fl-aħħar ġimgħat kellna tfakkir mill-uffiċċji tal-aħbarijiet tat-temp dwar maltempati riesqa. Tistenna li jitqanqlu fi żmien ix-xitwa. Jissemma madankollu kif it-tempesti qed ikunu ħafna aktar spissi u qawwija minn “qabel”. Dan b’riżultat tal-bidliet kbar li jinsabu għaddejja fil-klima. L-istess argument jinsab għaddej fi Spanja u fil-Portugall fejn ukoll, it-temp qalil donnu far.

Diffiċli tgħid kemm hu minnu li t-temp qed jiqliel. Dwar li għandha tittieħed kull prekawzjoni kontra l-ħsara li tista’ tiġri, m’hemm l-ebda dissens. Biss b’mod ġenerali in-nies tista’ tingħata informazzjoni aktar ċara, mingħajr komplikazzjonijiet xjentifiċi li ħadd ma jifhem. Fil-kontroversja dwar bidliet fil-klima, ma nistgħux nibqgħu nitbandlu bejn dawk li jaraw diżastru ġej mnn kullimkien, u l-oħrajn li jriduna nibqgħu friski bħal ħassa.

KURA TAL-ANNIMALI

Iż-żamma ta’ annimali fid-djar… tal-“pets”… donnha infirxet sew bħala għażla ta’ ħajja fost bosta familji. Għasafar u qtates, klieb, fkieren u ħut tal-ilma ħelu, fost oħrajn… Fl-imgħoddi wkoll kienu jinżammu l-annimali fid-djar, għas-simna, għall-gost tat-trobbija u tal-kumpanija. 

Kien hemm anqas attenzjoni għall-ħtieġa ta’ kura għas-saħħa tal-annimali, b’rassenzjazzjoni akbar quddiem il-mard u l-imwiet bikrija tagħhom. Illum le – il-kura saret bir-raġun priorità għal ħafna. Jistennew li jsibu servizzi mediċi għall-annimali tagħhom li jħabbtuha ma’ tal-bnedmin. 

Kiber… u sew ġara… in-numru ta’ speċjalisti kwalifikati fil-kura. Wara ħafna dewmien, il-gvern għamel sew li reġa’ tellaq il-klinika veterinarja tiegħu. Forsi wasal iż-żmien li s-servizzi għall-kura tal-annmali jitqiegħdu taħt regolamenti aktar moderni u aġġornati, li jipproteġu l-interess tal-annimali u tas-“sidien” tagħhom. 

BLA ŻEWĠ STATI

Il-gvern ta’ Iżrael hu mija fil-mija kontra l-kunċett ta’ soluzzjoni għall-“problema” tal-Palestina li tinvolvi l-ħolqien ta’ żewġ stati – Iżrael u l-Palestina. Iridu li jkun hemm Iżrael biss, mal-istati Għarab diġà kostitwiti. 

U x’jiġri mill-Palestinjani? Jekk fhimt tajjeb, skont il-gvern Iżraeljan, il-Palestinjani li huma diġà ċittadini ta’ Iżrael, jibqgħu hekk; l-oħrajn jitilqu biex isiru ċittadini tal-pajjiżi Għarab fil-madwar, jew fejn jemigraw. Jekk jibqgħu fejn huma jispiċċaw “ċittadini” tat-tieni klassi.

L-Iżraeljani – jew il-gvern preżenti tagħhom – ma jidhrux jifhmu jew jimportahom mill-konsegwenzi ta’ dan ix-xenarju. Fih Iżrael jispiċċa pajjiż li jħaddem l-apartheid, jekk mhux agħar. Dil-prattika inġusta taf iġġib stabbiltà għal ħafna u ħafna snin. Imma biż-żmien, iġġib magħha theddida dejjem akbar għall-eżistenza tal-istat Iżraeljan. L-iskop għal atti “terroristiċi” jibqa’ jikber u jitwessa. Iżrael, bħala stat, ikompli jitlef dejjem aktar is-simpatiji tal-komunità internazzjonali, anke fost dawk li qabel kienu jammirawh. Meta tiżbroffa l-aħħar u l-aqwa kriżi f’dal-proċess, it-theddida għall-eżistenza tal-istat Iżraeljan tkun totali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport