Spongebob, Chase tal-Paw Patrol, Nella the Princess Knight u n-Ninja Turtles kienu fost il-karattri ewlenin ta’ Nickelodeon li kienu f’pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa għal attività immirata għat-tfal fil-Belt Valletta.
L-attività ‘Nickelodeon Treasure Hunt Malta’, laħqet il-qofol tagħha llum fi Pjazza Tritoni fejn it-tfal, akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom, setgħu jiltaqgħu u jieħdu xi ritratti mal-karattri favoriti tagħhom.
It-tfal setgħu wkoll jidħlu fil-“Krusty Krab” li ntrama’ apposta f’din il-Pjazza filwaqt li jpenġu l-karattri tan-Nickelodeon u anke jieħdu sehem f’xi attivitajiet oħra li kienu għaddejjin minn ħin għall-ieħor. Apparti minn hekk, din l-attività serviet bħala okkażjoni biex it-tfal u l-familji jitgħallmu aktar dwar l-istorja tal-Belt Valletta.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo kien spjega li attivitajiet bħal dawn huma ta’ kontribut biex nattiraw niċċa bħal dik tal-‘family tourism’. Qal li meta jkollok pajjiż li jassoċja lilu nnifsu ma’ ażjenda mondjali bħal Nickelodeon huwa pass fid-direzzjoni t-tajba biex il-prodott turistiku jkompli jikber fil-kwalità tiegħu.