Thursday, December 26, 2024

Tfal u żgħażagħ li għexu l-vjolenza domestika jesponu t-talenti tagħhom fi żmien il-Milied

Aqra wkoll

Tfal u żgħażagħ li jgħixu r-realtà tal-vjolenza domestika ngħataw l-opportunità li jpinġu l-kartolini tal-Milied tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol. Dan b’kollaborazzjoni mal-Victim Support Agency, l-aġenzija li twaqqfet mill-Gvern fl-2021 bil-għan li tkun ta’ sapport għall-vittmi tal-kriminalità. Fil-fatt, sa mill-bidu tagħha l-VSA assistiet fi ftit anqas minn 8,000 każ.

B’numru minnhom kienu dawn it-tfal u ż-żgħażagħ li wara bibien magħluqa għexu żminijiet diffiċli u li sabu l-id ta’ għajnuna mill-professjonisti dedikati tal-aġenzija. F’laqgħa informali ma’ dawk li pparteċipaw, il-Ministru Byron Camilleri fisser din l-inizjattiva bħala waħda li tmur lil hinn mit-tpinġija nnifisha, bis-sinifikat tagħha huwa li permezz tat-tpinġija dawn it-tfal u ż-żgħażagħ esprimew ruħhom u kellhom l-opportunità li jesponu wkoll it-talenti tagħhom. Spjega li l-ħidma tal-ministeru fl-aħħar snin, filwaqt li dejjem baqgħet iffukata fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità u r-riabilitazzjoni ta’ min iwettaqha, illum qiegħda twettaq ħidma importanti ħafna mal-vittmi, biex verament tkun ħidma li tindirizza dawn l-isfidi b’mod ħolistiku.

F’din il-laqgħa spikka s-sens ta’ apprezzament ta’ dawn it-tfal u ż-żgħażagħ li f’dan iż-żmien kellhom iċ-ċans li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva, u s-sens ta’ kburija tagħhom jaraw it-tpinġijiet tagħhom fuq kartolini uffiċjali.

Huwa dan it-tip ta’ riżultati li qiegħda tħalli l-ħidma tal-Victim Support Agency li mhux biss toffri sapport emozzjonali, imma tagħti gwida lill-vittmi dwar x’għandhom jistennew fil-Qorti filwaqt li anke jiġu akkumpanjati. Dan filwaqt li jassiguraw li l-vittmi jafu d-drittijiet tagħhom u jgħinuhom iħossuhom aktar siguri biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Victim Support Agency Brian Farrugia esprima s-sens ta’ sodisfazzjon li jkollhom bħala aġenzija kull darba li l-ħidma tagħhom tkun issarrfet f’ħajja aħjar għall-vittmi. Tenna l-impenn tiegħu li flimkien mal-professjonisti jkomplu jassistu aktar vittmi biex ikunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom. Dwar din l-inizjattiva kellu kliem ta’ tifħir għad-dedikazzjoni li urew dawn it-tfal u ż-żgħażagħ biex għamlu l-aqwa tpinġija, li hija riflessjoni anke tal-impenn tal-VSA li tinkoraġġixxi lill-vittmi biex ma jaqtgħux qalbhom u li se jingħataw is-sapport kollu meħtieġ.

L-2024 immarkat ukoll aktar ħidma f’dan is-settur, din id-darba ffukata fuq vittmi ta’ vjolenza domestika, bl-ewwel hub tal-Korp tal-Pulizija għall-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fetaħ il-bibien tiegħu fi Frar, f’Santa Luċija. Dan il-hub reġjonali jopera 24 siegħa kuljum, is-sena kollha. Hu mħaddem minn membri mħarrġa tal-Korp tal-Pulizija u minn professjonisti oħra sabiex iservu u jgħinu l-vittmi f’ambjent sigur u li jilqgħek, u l-iżjed ħaġa importanti li jagħti ċans lill-vittmi jaqsmu l-esperjenzi iebsa li jkunu għaddejja minnhom mhux biss ’il bogħod mill-aggressur iżda f’ambjent adegwat. Dan filwaqt li għaddejja l-ħidma biex jinfetħu l-bibien ta’ hub ieħor fit-Tramuntana tal-pajjiż, hekk kif se jibda jopera mill-Imtarfa. Il-GBDVU tal-Korp tal-Pulizija kompla wkoll jikkonsolida r-riżorsa umana tiegħu bl-ingaġġ ta’ iżjed spetturi, surġenti u kuntistabbli li jafu s-settur, li llum ilaħħqu s-66 uffiċjal. Sa qabel it-twaqqif tal-GBDVU, il-Korp tal-Pulizija kien jirċievi madwar 1,300 rapport fis-sena marbut ma’ vjolenza domestika. Wara t-twaqqif ta’ din l-iskwadra, ir-rapporti żdiedu b’25%, li jindika li t-twaqqif ta’ dan il-unit speċifiku b’servizzi speċifiċi wassal aktar vittmi jfittxu l-għajnuna.

Il-Ministru Byron Camilleri kkonkluda b’ringrazzjament lill-ħaddiema kollha, għall-ħidma imprezzabbli li qiegħda titwettaq f’dan is-settur diffiċli, filwaqt li appella lil dawk il-vittmi li sal-lum ma ressqux ’il quddiem għall-għajnuna biex jaċċessaw dawn is-servizzi li qegħdin jingħataw minn professjonisti dedikati.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport