Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal persuna li lbieraħ għall-ħabta tal-10:00 p.m daħal jisraq minn ħanut fi Triq Wesgħet il-Vittmi tal-Gwerra f’Ħal Luqa.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel mgħammad u armat kien daħal f’ħanut u talab il-flus liż-żewġ kaxxiera – raġel ta’ 38 sena residenti Bormla u tfajla ta’ 16-il sena residenti l-Fgura.
Għalkemm fortunatament ħadd ma weġġa’, il-ħalliel irnexxielu jaħrab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.