Kull tfittxijiet li saru għal Vishav, student Indjan ta’ 18-il sena li kien qiegħed jistudja f’Malta u kien ilu hawn xahrejn biss, ma taw l-ebda riżultat. Tfittxijiet fl-inħawi ta’ San Ġiljan u għadd ta’ postijiet oħra kollha rriżultaw fin-negattiv. Minkejja tentattivi biex jagħmlu kuntatt miegħu fuq il-mowbajl, irriżulta li dan kien qiegħed f’pożizzjoni li ma jirrispondix. Fi kliem sħabu, li ingħaqdu fit-tfittxijiet, ‘m’għandna ebda ħjiel x’ġara”. Hu kien ġie hawn biex jistudjaw fil-La Vallette Institute f’Ta’ Xbiex.
L-ORIZZONT tkellem ma’ wieħed minn ħbiebu, Gurpreet Singh li jgħix proprju fl-istess blokka ta’ appartamenti. Miegħu ngħaqad proprja l-kuġin ta’ Vishav, li ġie proprju mill-Portugall.
Kuġinuh Sukhbir Singh, jgħidilna li “ppruvajt nagħmel kuntatt miegħu diversi drabi iżda kien kollu għalxejn.”
Sieħbu, Gurpreet, meta tkellem ma’ L-ORIZZONT, qalilna li “jien ngħix fl-istess blokk ta’ appartamenti. Hu jgħix f’appartament li jinsab fis-sular ta’ taħtna. Kien jiġi għandna jiekol u naqsmu l-ispejjeż. L-aħħar kuntatt miegħu kien fit-18 ta’ Marzu. Kull min ċempillu wara ma qabdux. Jien kellimt anke lil ħbieb tiegħu fl-Indja. Hu l-aħħar kuntatt li għamel ma’ sħabu fl-Indja kien fid-19 ta’ Marzu fit-3.00 ta’ filgħodu. Hu ħareġ fit-18 ta’ Marzu fit-8.30 u ma rajniehx aktar.”
“Wara jien kont xogħol part tajm. Meta mort lura ċempiltlu u ma rrispondiex. Bqajna ma għamilniex kuntatt miegħu. Bqajna nippruvaw u anke ċempilna lill-ġenituri tiegħu. Kien fl-20 ta’ Marzu li imbagħad għamilna rapport lill-Pulizija”.
“Nista’ ngħidlek li fl-appartament tiegħu għad hem il-bagalja tiegħu u l-affarijiet kollha personali”, jenfasizza Gurpreet.
Nistaqsieh dar l-aħħar kuntatt li għamel ma’ ħbieb tiegħu fl-Indja, fis-sens jekk deherx eċitat jew kienx jinħass li hu normali. Fi kliemu stess, “minn dak li qaluli sħabu kien bidher normali. Kien kalm bħas-soltu”.
Missier Vishav qiegħed jappella biex jinstab Vishav u għamel filmat u dan qiegħed jitqassam mal-komunità Indjana f’Malta.
Ta’ min jgħid li dwar dan l-istudent Indjan, il-Pulizija għal xi raġuni għadha ma ħarġet ebda avviż li jinforma li dan hu nieqes.
Huwa maħsub li kien liebes ġersi bajda biż-żipp fil-ħin tal-għibien tiegħu.
Il-mexxej tal-komunità Indjana u r-rappreżentant nazzjonali ta’ pajjiż terz fi ħdan il-GWU, Manav Sanger, ħeġġeġ lil kull min għandu informazzjoni biex iressaqha ‘lquddiem.
Kull min għandu informazzjoni dwar l-adolexxent nieqes għandu jikkuntattja l-eqreb għassa tal-pulizija jew lil Gurpreet Singh fuq 9996 1493.

