Friday, May 3, 2024

Tfittxijiet intensivi għal żewġ persuni li wettqu massakru fil-Kanada

Aqra wkoll

Il-pulizija tal-Kanada jin­sabu għaddejjin bi tfittxija intensiva għal żewġt irġiel li allegatament qatlu għaxar persuni u ferew 15 bi skieken, f’att li ħasad lil dan il-pajjiż. 

Iż-żewġ suspettati huma Damien Sanderson u Myles Sanderson u dawn qed ikunu mejqusa bħala armati u perikolużi. Il-vittmi nstabu fi 13-il lokalità differenti madwar il-komunità indiġena remota magħrufa bħala James Smith Cree Nation, qrib ta’ Weldon. Dan qiegħed ikun neqjus bħala wieħed mill-agħar atti ta’ vjolenza li qatt esperjenzat il-Kanada. Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau ddeskriva dan il-każ bħala “ta’ qsim il-qalb”.

Apparti l-għaxra li tilfu ħajjithom, kien hemm 15-il persuna oħra li sofrew ġrieħi u l-pulizija qed iħeġġu lir-residenti taż-żona biex joqogħdu b’seba’ għajnejn hekk kif l-awtoritajiet jinsabu għaddejjin bi tfittxijiet għas-suspettati. Iż-żona fejn seħħ il-każ hija fost l-ikbar u l-iktar reġjuni remoti tal-pajjiż. 

Trudeau fi stqarrija li ħareġ qal li, “ninsab maħsud u ddispjaċut ħafna bl-attakki orribbli tal-lum… dawk responsabbli għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u jingħataw dak li ħaqqhom.”

Hekk kif saru magħrufa dawn l-attakki, ir-residenti tal-pro­vinċji ta’  Saskatchewan, Manitoba u Alberta rċevew messaġġ fuq il-mobile tagħhom li hemm żewġ persuni perikolużi jiġġerrew mas-saqajn u jridu joqogħdu attenti. Ta’ min jgħid li din iż-żona hija enormi, tant li fiha kważi daqs nofs l-Ewropa. Apparti hekk ġewwa James Smith Cree Nation – komunità ta’ 2,000 persuna – ġie dikjarat stat ta’ emerġenza. Il-pulzija ħeġġew lill-pubbliku biex ma joħorġux miż-żoni siguri tagħhom u joqogħdu attenti lil min iħallu jidħol fi djarhom. Apparti hekk, madwar iż-żona twaqqfu numru ta’ checkpoints filwaqt li s-sewwieqa ġew imħeġġa biex ma jrikkbux persuni li ma jafux. 

Uffiċjal ta’ Saskatchewan qalu li jista’ jkun li xi persuni li nqatlu kienu fil-mira ta’ dawn iż-żewġ aggressuri filwaqt li oħrajn setgħu nqatlu għax inzertaw fil-post u l-ħin ħażin. 

Ir-relazzjoni bejn Damien Sanderson ta’ 31 sena u Myles Sanderson ta’ 30 sena għadha mhix magħrufa u l-awtoritajiet ma tantx taw dettalji dwarhom. Il-pulizija naqsu wkoll milli jispekulaw dwar il-motiv ta’ dan l-attakk, iżda kien hemm min issuġġerixxa li dan seta’ kellu rabtiet mat-traffikar tad-droga. 

Sport