Dan l-aħħar kien hemm żewġ affarijiet li ġraw li ġibduli l-attenzjoni. Għalija, kien hemm ħaġa komuni fihom – it-tnejn kellhom tgergir għalkemm mhux tal-istess ammont u għan.
L-ewwel waħda kienet id-Dar tal-Anzjani f’Bormla. Il-Gvern qal minħabba li ħarġu ħafna difetti, biċċiet minnhom serji, kien ser jara jekk hemmx bżonn jerġa’ jibni din id-dar. S’intendi biex terġa’ tibni din id-dar ma tistax tħalli r-residenti hemm imma lanqas tista’ tħallihom hemm sakemm tiddeċiedi għaliex tkun qed tpoġġihom fil-periklu. Min-naħa l-oħra, ir-residenti ma ħadux gost għax ser ikollhom jiċċaqalqu. Din hi xi ħaġa naturali. Biss ma jfissirx li jkun hemm xi alternattiva oħra jekk int tkun trid teħlishom mill-periklu u tirranġa affarijiet kbar.
Din fakkritni f’dak li kien ġara l-Belt wara l-gwerra meta l-Gvern Laburista ried jirranġa l-Mandraġġ. Biex terġa’ tibni l-Mandraġġ ma kienx possibli li tħalli n-nies hemm. Fil-fatt dawn intbagħtu f’postijiet oħra sakemm jerġa’ jinbena. L-istess kien hemm ħafna tgergir u ħafna ma kienux riedu jiċċaqilqu. Kienu lesti li jibqgħu fejn kienu, fi djar diżastrużi li kien hemm, milli jiċċaqilqu. Wara, meta l-bini ġdid kien lest, ħafna bdew jistaqsu għaliex dan it-tibdil ma sarx qabel u kellhom jistennew il-gwerra biex jaraw qabża ‘l quddiem fil-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.
L-aktar li skantajt fuq id-Dar tal-Anzjani f’Bormla kien għaliex kien hemm min ikkummenta li qiesu l-Gvern ma kellux jieħu dan il-pass għaliex b’hekk ma kienx qed jagħti kas tal-opinjoni tar-residenti. Il-Mandraġġ jagħtina r-risposta. Li kieku l-Gvern Laburista sema mir-residenti, li kieku l-Mandraġġ għadu sal-lum kif kien 100 sena ilu – diżastru soċjali. Dan ma jfissirx li l-Gvern ma jagħtix kas tan-nies. Dan għaliex il-Gvern l-ewwel ħaġa li għamel hu li sabilhom post fejn ser joqogħdu sakemm jirranġa l-post. Dan barra l-fatt li mhux biss ser itejbilhom ħajjiethom meta l-post ikun lest u aktar importanti minhekk, qed jelimina l-periklu lil dawn in-nies. Ma rridux ninsew li r-raġuni tat-tibdil kbir li jrid isir, qed isir minħabba li l-konkrit li bih hu mibni dan il-post mhux ta’ kwalita’ tajba u għalhekk hu perikoluż.
Biss hu wkoll importanti li tittieħed azzjoni kontra minn kien responsabbli li jassigura li l-konkrit hu tajjeb u min ipprovda konkrit li hu sub-standard. Ir-raġuni hi li min kien responsabbli li jara li l-affarijiet saru sew, qed iġiel lill-anzjani biex jibdlu fejn joqgħodu. Din tfakkarni f’Mater Dei. Għadni nemmen li min ħa d-deċiżjoni min-naħa tal-Gvern li l-kumpanija Skanska ma tkunx responsabbli għandu jġorr ir-responsabbilta’ tal-ispejjeż żejda li kellu jġorr il-poplu Malti minħabba l-konkrit sub-standard li kien hemm. Sfortunatament din hi xi ħaġa li s’issa għadni ma smajtx li ttieħdet.
Biss din l-attitudni tat-tgergir ma taffettwax dan is-settur biss. Dan narawh fis-settur tat-toroq. Wara għexieren ta’ snin li kważi ma sar xejn fit-toroq tagħna, dawn spiċċaw mimlija ħofor. Tul dan l-aħħar 10 snin il-Gvern ikkommetta ruħu biex idur it-toroq kollha f’tul ta’ seba’ snin. Biex isir dan kellhom jinqalgħu għadd kbir ta’ toroq flimkien. Hawn beda tgergir għaliex min isuq beda jkollu juża toroq oħra. S’intendi t-tgergir xorta kien ikun hemm li kieku minflok 7snin il-Gvern għażel 20 sena biex żgur ma jkunx hemm toroq li jiġu rranġati f’daqqa. Meta jibdew jiġu rranġati t-toroq, in-nies jibdew igergru għaliex qed idumu wisq biex jirranġawhom. Jekk tittieħed deċiżjoni biex jgħaġġlu u l-ħaddiema jibdew jaħdmu wkoll bil-lejl biex ilestu malajr, ikun hemm tgergir li n-nies ma tħallewx jorqdu fil-kwiet.
Dan juri li tgergir dejjem ser ikun hemm. Tafu min ma jaqlax tgergir? Min ma jagħmel xejn. Jien ma nemminx fit-tgergir imma f’azzjonijiet kontra min kien responsabbli.
Ambjent
L-ambjent, illum, sar jitqies importanti minn ħafna nies, għalkemm it-tendenza li hemm, hi ħafna jemfasizzaw ċerti aspetti tal-ambjent – aspetti li ma jolqotx lilhom. Ħafna drabi il-konċentrazzjoni tkun biex ma jinbnewx blokkok ta’ bini ġodda.
Eżempju ieħor hu li ħafna jitkellmu fuq l-ambjent u jsemmu ħafna affarijiet imma ftit isemmu fuq l-elettriku speċjalment fis-sajf. Ir-raġuni hi li l-maġġoranza tal-Maltin illum għandhom air conditioner u fis-sajf meta tolqotna s-sħana mal-ewwel inqabbdu l-air conditioner. Mhux talli hekk, imma ħadd ma jipprova jżomm ma temperatura li la hi għolja imma lanqas hi baxxa ħafna. Tara wkoll li f’ħafna postijiet speċjalment f’uffiċċji, fejn l-air conditioner ikun mixgħul u l-bieb u anke twieqi tal-uffiċċju miftuħa. Dan narawh anki fid-djar. L-istess ftit huma dawk li jippruvaw inaqqsu l-bżonn tal-enerġija billi jtejbu d-djar tagħhom biex jagħmluhom jitilfu ftit u ma jħallux sħana tidħol fid-dar billi jtejbu l-insulation.
L-istess jekk nieħdu l-karozzi privati. Ftit issib nies li jitkellmu kemm joqogħdu attenti biex iħarsu l-ambjent billi jużaw kemm jista’ jkun t-trasport pubbliku. Dan minkejja li kulħadd jaf li s-settur li jagħmel ħafna ħsara lill-ambjent huma l-karozzi. Fuq il-karozzi ġeneralment nitkellmu fuq l-iġġammjar fit-traffiku – s’issa għadni ma smajt lil ħadd li jwaħħal dan l-iġġammjar fl-użu żejjed tal-użu żejjed tal-karozzi privati, għax għad għandna ħafna nies li mhux lesti li jużaw it-trasport pubbliku mingħajr ma nqisu li l-impatt tal-karozzi mhux biss li l-exhaust jagħmel ħsara lill-bini imma anki lis-saħħa tan-nies. Dan naraw anki minn dawk in-nies li jmorru jipprotestaw biex ikollna ambjent aħjar. Ma jmorrux fil-post tal-protesta bil-karozzi tal-linja imma b’taħħhom.
Dawn l-affarijiet jolqtuni ħafna għaliex meta nqabblu ma postijiet barra minn Malta ssib organizzazzjonijiet li moħħhom biss biex jagħmlu protesti, imma ssib ħafna aktar li jiffukaw biex jgħallmu lin-nies komuni biex dawn iħarsu l-ambjent billi jieħdu ċerti miżuri fil-ħajja ordinarja tagħhom biex itejbu l-ambjent.
U hawn toħroġ differenza oħra kbira. Filwaqt li barra minn Malta ħafna mill-għaqdiet jiffukaw fuq in-nies, f’Malta dejjem niffukaw fuq il-Gvern. Qiesu ċ-ċittadin komuni la għandu responsabbilta’ u lanqas jista’ jagħmel xejn biex itejjeb l-ambjent meta fir-realta’ hu ċ-ċittadin li hu l-aktar attur importanti biex nassiguraw ambjent nadif u san.
It-tgergir jew li nitfgħu r-responsabilta’ fuq ħaddieħor mhu ser iwassalna mkien. Li jwassalna hu kull wieħed minna jħares lejn il-mera u jistaqsi, hu jew hi, x’għandhom jagħmlu biex intejbu l-ambjent biex ngħixu aħjar.