Sunday, December 22, 2024

Tgħid li l-mumenti ibsin f’ħajjitha huma raġuni valida biżżejjed biex tkompli tissaħħaħ

Titkellem Graziella Bartolo Pizzuto, omm ta' tifla bid-Down's Syndrome

Aqra wkoll

“Illum kienet waħda minn dawk il-ġranet. Ġurnata iebsa fejn bdejt nara kollox minn perspettiva negattiva; ma bdejtx inħossni b’saħħti biżżejjed biex inġorr it-toqol li toffri l-ħajja,” kitbet Graziella Bartolo Pizzuto, omm iċ-ċkejkna Faith li għandha l-kundizzjoni tad-Down’s Syndrome, fuq il-paġna ta’ Facebook “Up & Up with Faith”.

Filwaqt li rrakkuntat ukoll mumenti sbieħ fejn iċ-ċkejkna Faith tant jirnexxilha twettaq kisbiet li saħansitra tissorprendihom b’dak li kapaċi tagħmel, u li bosta drabi l-mumenti pożittivi ta’ ħajjithom jegħlbu n-negattività tal-ħajja, bħal kwalunkwe persuni oħra hija wkoll tintlaqat minn xi mumenti diffiċli li jġibulha quddiem għajnejha l-isfidi li tkun għaddejja minnhom.

Graziella kompliet tgħid li għalkemm normalment tħobb tkun pożittiva għaliex dan jgħinha tikkumbatti l-isfidi tal-ħajja, tħoss li għaliha daqstant ieħor huwa importanti li tkun onesta magħha nnifisha: “Donni nħoss il-bżonn li nirrikonoxxi kemm dawk il-jiem it-tajbin kif ukoll dawk li ma jkunux kif xtaqthom … ġranet bħal dawn, għalkemm mhumiex mill-favoriti, huma parti mill-vjaġġ tagħna; huma dawn il-ġranet li jkomplu jsaħħuni għal dak li ġej”.

Hija temmet tgħid li bintha Faith hija dik il-persuna li ttiha l-motivazzjoni li jkollha bżonn sabiex meta tesperjenza ġranet bħal dawn xorta waħda tagħraf li hi persuna ffortunata li għandha lil Faith bħala t-tifla tagħha.

Ekonomija

Sport