Saturday, November 16, 2024

Tgħid li ma marritx tiffirma l-Għassa minħabba “problemi biex tara”

Mara mfittxija fuq ksur ta’ kundizzjonijiet tinqabad wara rapport fuq każ separat

Aqra wkoll

Charlene Gatt ta’ 37 sena minn Ħaż-Żebbuġ inżemmet arrestata wara li tressqet il-Qorti fejn ġiet mixlija li kisret diversi settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.

Fil-Qorti ħareġ li hija naqset milli tiffirma l-Għassa kif kienet obbligata tagħmel. Instema’ wkoll kif il-mara, li mhux l-ewwel darba li xellfet difrejha mal-ġustizzja, tbati minn kundizzjoni ta’ saħħa, fosthom nuqqas ta’ vista f’għajnha x-xellugija. 

Gatt kienet mixlija wkoll li wettqet reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u waqt li kienet ingħatat il-libertà kkundizzjonata.

Hija wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrija bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-kundizzjoni medika tagħha.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li l-mara kienet ilha żmien imfittxija wara li kien ilha diversi xhur ma tiffirma fl-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ kif kienet mitluba tagħmel.

Inqtal ukoll li l-pulizija marru kemm il-darba jfittxuha fl-indirizz indikat lilhom minnha li kien garaxx, iżda ma kienu jingħataw l-ebda rispons.

Intant ilbieraħ l-imputata daħlet fl-Għassa ma’ diversi nies wara xi argumenti fuq gabbana. Kien hawnhekk fejn il-pulizija ndunaw bil-mara u ġiet arrestata. 

Wara li semgħet iż-żewġ partijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputata minħabba nuqqas ta’ affidabbiltà tagħha, il-fatt li m’għandhiex indirizz fiss u l-fedina penali kkulurita li għandha.

Kien għalhekk li l-mara baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv, bil-kawża fil-konfront tagħha mistennija tkompli nhar l-Erbgħa li ġej.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Colin Sheldon u Clayton Camilleri mentri għall-imputata deher l-Avukat tal-għajnuna legali Daniel Attard.

Ekonomija

Sport