Sunday, May 5, 2024

“Tħares lejn il-Belt u l-portijiet tara armonija ta’ arkitettura… ftit ‘il bogħod tilmaħ x’qed nibnu aħna”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tas-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, l-Arċisqof Charles Scicluna kkonċelebra Quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Fl-omelija tiegħu, huwa qal li dan il-jum fl-istorja ta’ pajjiżna ħa sinjifikat profond tant li nsejħulu Jum il-Vitorja. 

Huwa fakkar fil-ġrajjiet storiċi tal-Assedju l-Kbir tal-1565 u t-tmien it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943. Qal li ċelebrazzjonijiet bħal dik tal-lum mhux biss jimlew il-qlub tagħna bil-ferħ imma jimlewna wkoll b’responsabbiltà. 

“Kien mument deċiżiv. Mhux kwistjoni biss ta’ rebħa strateġika. Imma bil-fatt li fuq dawn il-gżejjer anke bl-insistenza ftit xhur wara tal-Papa San Piju V il-Kavallieri ddeċidew jibqgħu hawn u bdew jinbu din il-belt li hi monument tal-permanenza tagħhom,” qal l-Arċisqof Scicluna. 

“Fl-1943 bid-deċiżjoni tal-flotta navali Taljana li ċċedi lill-alleati proprju fil-Port il-Kbir bħal-lum, it-8 ta’ Settembru, aħna l-Maltin spiċċa l-kapitlu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Salvajna wkoll mit-traġedja totali tal-ġuħ minħabba l-konvoj ta’ Santa Marija.”

L-Arċisqof Scicluna fakkar ukoll li l-Maltin fl-1964 xtaqu li l-Indipendenza ta’ Malta tingħata fit-8 ta’ Settembru, iżda l-Brittaniċi kellhom ħsibijiet oħra u kellhom jistennew ftit jiem oħra. “L-idea tal-Maltin li l-mument li t-8 ta’ Settembru mhux biss jimmarka xi ħaġa fil-passat imma jikkonferma l-identità tagħna u r-responsabbiltà tagħna m’għandniex nitilfuha.”

L-Arċisqof Scicluna temm jistaqsi: “x’qed nagħmlu b’dan il-patrimonju kulturali, spiritwali u arkitettoniku? Meta tħares lejn il-Belt u l-portijiet tagħna, tara armonija ta’ arkitettura mbagħad tilmaħ ftit ‘il bogħod u tara x’għamilna aħna, x’qed nibnu aħna meta għandna rajna f’idejna. Ir-risposta nħallieha f’idejn il-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna.”

Sport