Wednesday, April 24, 2024

Studenti jtemmu b’suċċess il-programm Youth Inc.

Aqra wkoll

Matul ċerimonja organizzata mill-Aġenzija Żgħażagħ, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti preżenta ċ-ċertifikati lill-istudenti li temmew il-programm Youth Inc.

Dan huwa programm edukattiv għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena li jixtiequ jkomplu jibnu fuq l-esperjenza edukattiva tagħhom u jwessgħu l-għarfien, il-valuri u l-ħiliet tagħhom biex jibdew jaħdmu jew jiksbu l-kwalifiki meħtieġa biex ikomplu jistudjaw u jkunu esposti għal opportunitajiet barra minn xtutna fuq bażi ta’ youth exchange.

Il-programm Youth Inc. huwa bbażat fuq il-bżonnijiet taż-żgħażagħ u biex ikompli jsaħħaħ l-irwol kumplimentari tat-tagħlim formali u informali. Dan jikkonsisti f’żewġ livelli skont il-Maltese Qualifications Framework u jwassal biex l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu korsijiet l-MCAST jew l-ITS.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal li “Ix-xogħol impekkabbli li qegħdin jagħmlu l-ħaddiema tal-Aġenzija Żgħażagħ qed iħalli l-frott fost iż-żgħażagħ tagħna. Dan deher iżjed biċ-ċar waqt din iċ-ċerimonja. Il-programm Youth Inc. qed joffri edukazzjoni informali biex iż-żgħażagħ tagħna jsaħħu aktar il-ħiliet tagħhom.”

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma saħqet li, “Iż-żgħażagħ li jibbenefikaw mill-Programm Youth Inc. jiksbu ħiliet li jservuhom għal ħajjithom.  Kulħadd jistħoqlu edukazzjoni addatata u li tgħodd għalih għax l-abilitajiet ta’ kull persuna huma differenti minn xulxin. Dan il-programm jagħti ċans ieħor lil dawn iż-żgħażagħ biex ikomplu jibnu il-kunfidenza u l-kapaċitajiet tagħhom biex isibu triqthom lejn il-karriera li jixtiequ wara li jispiċċaw mill-iskola sekondarja.”

Sport