Friday, April 26, 2024

“Tħalli lil ħadd iwaqqgħek ħażin minħabba t-tip ta’ ġeneru ta’ mużika tiegħek. Kun kburi b’dak li tagħmel”

It-tenur lokali, Aldo Busuttil

Aqra wkoll

Aldo Busuttil, tenur bravu lokali li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Għadu kemm ħareġ diska flimkien ma’ vidjo mużikali bl-isem ta’ Kull fejn tkun int li qed tikseb suċċess liema bħalu. F’din l-intervista se nkunu qed insiru nafuh aħjar, filwaqt li se jkun qed jgħaddielna xi spunti interessanti rigward il-mużika lokali.

Tlabna lil Aldo jispjegalna kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-mużika u l-kant.

Għandi mħabba partikolari lejn il-pittura u t-tpinġija li mbagħad evolviet għall-mużika klassika u operistika. Jispirani wkoll ħafna t-tenur Taljan Andrea Bocelli. 

U x’jagħmel il-mużika klassika differenti mill-mużika moderna?

Il-mużika klassika hija aktar kumplessa u hija ffukata fuq is-sabiħ tal-ġeneru; r-romantiċiżmu; mentri dik moderna hija aktar iffukata fuq ir-ritmu. 

L-istrumenti fil-muzika moderna ħadu xejra lejn dak elettroniku;  synthesiser, kitarra tal-elettriku; drums tal-elettriku eċċ.

Il-mużika klassika hija miktuba għall-udjenza siekta mentri dik moderna hija għall-pubbliku li jrid jiżfen u jixxala. Biss, il-mużika klassika hija l-bażi ta’ diversi ġeneri oħra għax minnha ħarġet il-mużika leġġera li llum nafuha bħala l-POP li mbagħad komplew jespandu b’ġeneri oħra bħal dak kummerċjali, rock, jazz, country, hard rock u oħrajn.

Aldo għadu kemm ħareġ diska flimkien mal-vidjo mużikali ta’ Kull fejn tkun int. Kemm kien jinvolvi xogħol? 

Kelli l-idea ta’ kanzunetta bil-Malti li tista’ titkanta waqt iċ-ċerimonja taż-żwieġ li kienet l-għażla tal-kompożitur u awtur u arranġatur. Ħdimt ħafna għall-ġbir tal-isponsors għall-video mużikali. Il-produzzjoni tal-vidjo mużikali kienet kollha f’idejja flimkien mal-iskript u anke l-promozzjoni tal-istess kanzunetta fil-media fosthom dik soċjali. 

Komplejna biex tlabna lil Aldo xi sfidi ġabet magħha l-Covid-19 fix-xena tal-mużika lokali?

Spiċċajna ma noperawx peró kien żmien ta’ riflessjoni u ppjanar. Grazzi għall-benefiċċju marbut mal-Covid stajna ngħixu, nippjanaw investimenti ġodda biex meta jiftaħ nkun ppreparati. Għalkemm issa irritornajna għan-normalitá, ix-xogħol f’ċerti setturi għadu batut bħal attivitajiet marbutin ma’ festi u konferenzi ta’ kumpaniji barranin fost oħrajn.

U skont Aldo, xi sfidi jħabbtu wiċċhom magħhom bħala kantanti u artisti f’pajjiżna?

Fl-opinjoni tiegħi dan hu l-aktar settur diffiċli għax la għandu regoli, la hemm warrant, u m’hemm kontroll ta’ xejn.  

Festivals li jiġu organizzati mhux qed ikun hemm trasparenza fil-mod la kif issir l-għażla tal-ġurija; la jagħtu l-ebda sodisfazzjon lil min jieħu sehem u jħallas l-fee u dan jagħti lok għal abbuż u ingustizzja fuq il-parteċipanti.  

Min jaħdem fil-qasam ta’ l-entertainment marbut mat-turiżmu jaf li mhemmx drittijiet u meta fil-lukanda jinbidel il-Food & Beverage Manager ħafna drabi jinbidlu l-kantanti biex hekk idaħħal li ħbieb kantanti li jippreferi jew jippreferixxi.

L-idea li jkun hawn Union tal-Kantanti hija missjoni impossibli għax hemm wisq għira u gwerra bierda bejn artisti/kantanti infushom. Fil-qasam tagħna ssib ħafna klikek ta’ kantanti, kompożituri, awturi li jkollhom interessi diversi fosthom dak finanzjarju bħal negozju u ħlasijiet, nepotiżmu u grazzja. Fil-fatt, innota li ċerti attivitajiet u kunċerti annwali dejjem issib l-istess kantanti u forsi kultant jagħtu opportunitá lil xi ħadd barra mill-klikka.

Hemm ukoll nuqqas ta’ sponsorships u nuqqas ta’ investituri privat, waqt li hemm ħafna li qed joperaw bla VAT number. Oħrajn iżommu prezzijiet baxxi wisq u qed ikissru s-suq. 

X’inhu l-futur ta’ Aldo Busuttil fil-mużika?

Qed nagħmel materjal oriġinali bil-Malti biex ‘l quddiem noħroġ album bil-lingwa Maltija. 

Qed infittex ukoll li nesperimenta aktar bil-ġeneru Klassiku imħallat ma’ ġeneri oħra mużikali. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Aldo, xtaq jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u/jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-kant u l-mużika.

Il-mużika hija hemm biex tferraħ u tagħti emozzjoni jekk jirnexxilek tagħmel dan minkejja l-ostakli ssib taqtax qalbek, kull ostaklu arah bħala sfida li tista’ tagħmel aħjar.

Toqgħodx fuq parir wieħed anke jekk hu ta’ espert; għax qatt ma tista’ tgħid x’aġenda moħbija għandu/ha. 

Qatt tkun kuntent b’dak li tkun għamilt għax meta tasal dik il-ġurnata tkun il-ġurnata li tibda titgħażżen mingħajr ma tkun taf. 

Aħtaf kull opportunità li tiġi għax qatt ma tista’ tgħid fejn tieħdok. 

Kun lest li tagħmel sagriffiċji kbar kemm finanzjarji kif ukoll dawk ta’ nuqqas ta’ xalar. 

Tħalli lil ħadd iwaqqgħek ħażin minħabba t-tip ta’ ġeneru ta’ mużika tiegħek. Kun kburi b’dak li tagħmel! 

Sport