Friday, May 3, 2024

Isofri ġrieħi serji wara ħabta ma’ trakk fil-Marsa Ħamrun bypass

Aqra wkoll

Sewwieq ta’ mutur kellu jiddaħħal l-Isptar għall-kura wara li aktar kmieni għall-ħabta tas-2:00 p.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Marsa Ħamrun Bypass.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur BMW 1100 misjuq minn raġel ta’ 28 sena residenti s-Swieqi, Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 19-il sena residenti l-Mosta u trakk tal-għamla Dennis mijsuq minn raġel ta’ 51 sena residenti l-Marsa.

Fil-post issejħet minnufih ambulanza sabiex is-sewwieq tal-mutur seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.

Kawża tal-inċident parti mit-triq kellha tingħalaq għat-traffiku minħabba l-investigazzjonijiet u huwa mifhum li nġemgħet ukoll konġestjoni tat-traffiku fiż-żona.

Maruti misjuqa minn raġel ta’ 54 sena, li kienet għaddejja minn fuq il-post, ġarrbet xi ħsarat waqt l-inċident peress li ntlaqtet minn biċċiet tal-vetturi involuti fl-inċident.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Nadine Lia li ħatret esperti biex jgħinuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

Sport