Wednesday, October 30, 2024

Tħassib internazzjonali serju hekk kif sparixxa l-akbar għadu ta’ Putin

Aqra wkoll

L-Istati Uniti flimkien ma’ pajjiżi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali huma mħassba wara li ħarġet l-aħbar li l-akbar għadu tal-President Vladimir Putin – Alexei Navalny – “sparixxa” miċ-ċella tiegħu. Navalny, li huwa l-mexxej tal-Oppożizzjoni fir-Russja u l-akbar rivali politiku ta’ Putin, m’għadux irreġistrat fil-ħabs li kien qiegħed jinżamm fih u għad m’hemm ebda ħjiel f’liema binja ġie trasferit.


Fir-rigward, il-White House qalet li “hija mħassba serjament” u sosniet bil-qawwi li dan il-politiku qatt ma kellu jiġi arrestat. Ir-rappreżentanti ta’ Navalny qegħdin jibżgħu li din hija mossa biex Navalny jintbagħat f’ħabs ta’ sigurtà kbira u kif ikun hemm, terġa’ tiżdiedlu s-sentenza diġà ħarxa li ngħata f’Awwissu ta’ din is-sena.

Akkużi li ċaħad kategorikament

Navalny nstab ħati li waqqaf u ffinanzja organizzazzjoni estremista u ngħata 19-il sena oħra ħabs. Min-naħa tiegħu huwa ċaħad kategorikament dawn l-akkużi. Huwa kien diġà weħel sentenza ta’ disa’ snin ħabs fuq ksur tal-parole, frodi u nuqqas ta’ rispett lejn il-qorti.

L-akkużi kollha kontra Navalny huma meqjusa bħala mossa politika biex ma jxekkilx lil Putin fejn dan tal-aħħar għadu kemm ħabbar li se jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss.

Fis-smigħ Navalny kien infurmat li se jkompli s-sentenza tiegħu f’ħabs speċjali tar-reġim li huwa tip ta’ ħabs li normalment jitfgħu fih kriminali perikolużi ħafna u oħrajn li jingħataw għomor il-ħabs. Iżda, s’issa għad mhuwiex magħruf fejn huwa u l-avukati ta’ Navalny ilhom ġranet sħaħ bla possibbiltà li jagħmlu kuntatt miegħu.

Navalny ma deherx personalment għal għadd ta’ seduti fil-qorti u minflok kien f’kollegamenti b’vidjow. L-awtoritajiet qalu li l-assenza tiegħu kienet kawża ta’ “problemi tekniċi” fil-ħabs li kien.

“Kontroll totali mill-Kremlin”

Skont ma’ qal l-assistent tiegħu, Leonid Volkov, din il-mossa “mhiex b’kumbinazzjojni. Din hija kontroll total mill-Kremlin. Mhuwiex sigriet li Navalny huwa l-akbar rivali ta’ Putin f’dawn l-elezzjonijiet u jrid li l-vuċi tiegħu ma tinstemax. Għaldaqstant, kull wieħed u waħda minnha għandna nkunu l-vuċi ta’ Navalny.

Għal aktar minn 10 snin Navalny ġġieled u kixef korruzzjojni fil-qalba tal-poter fir-Russja. Il-vidjows dwar l-investigazzjonijiet tiegħu kellu miljuni ta’ segwaċi online. Fl-2020 huwa ġie avvalenat fis-Siberia u ħelisha ħafif mill-mewt.

Dwar dan l-inċident ħafna jissuspettaw li kien attentat biex jinqatel. Huwa rritorna fir-Russja fl-2021 minkejja li kien imwissi li jista’ jispiċċa arrestat. Fil-fatt, Alexei Navalny kien immedjatament arrestat fl-ajruport ta’ Moska u minn dakinhar baqa’ f’idejn l-awtoritajiet Russi.

1 kumment

Comments are closed.

Sport