Sunday, December 22, 2024

The Malta National Transport Awards: nirrikonoxxu l-eċċellenza fit-trasport u l-mobilità

Aqra wkoll

L-ewwel edizzjoni tal-Malta National Transport Awards, imtella’ minn Transport Malta b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, ikkonkludiet b’ċelebrazzjoni ta’ innovazzjoni u eċċellenza fis-settur tat-trasport.

Dan l-avveniment irrikonoxxa u iċċelebra uħud mill-laqwa kontribuzzjonijiet favur it-titjib tat-trasport u l-mobilità f’Malta.

Il-kontestazzjoni għal dawn l-awards kienet waħda kbira, tant li tirrifletti bis-sħiħ n-natura diversa u dinamika tas-settur tat-trasport f’pajjiżna. Ir-rebbieħa, magħżula minn panel ta’ esperti fis-settur ġew magħżula permezz ta’ proċess ta’ aġġudikazzjoni rigoruż, trasparenti u indipendenti.

Ir-rebbieħa huma:

Fil-kategorija tal-Infrastruttura: Malta Public Transport, għall-investiment tagħha fi stazzjon tal-iċċarġjar tal-elettriku mill-aktar avvanzat

Fil-kategorija tal-Innovazzjoni: Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità permezz tas-servizz Silver-T, għall-approċċ innovattiv tagħhom fl-integrazzjoni tas-soluzzjonijiet tat-trasport mal-kura fil-komunità, b’mod partikolari ta’ benefiċċju għall-anzjani

Fil-kategorija tal-Modal-shift: L-Aegle Foundation, permezz tal-proġett sCOOL2walk, għall-inizjattiva li tinkoraġġixxi bidla lejn mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli, speċjalment fost it-tfal li jmorru l-iskola

Fil-kategorija tas-Sostenibbiltà: MaltaPost plc, permezz tal-proġett One Delivery, għall-isforzi tagħhom f’metodi ta’ twassil ta’ posta sostenibbli, li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-karbonju u jippromwovu metodi ta’ loġistika aktar sostenibbli

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan l-avveniment immarka pass importanti fil-mixja ta’ pajjiżna lejn settur tat-trasport aktar sostenibbli, effiċjenti, u inklużiv. Huwa estenda l-awguri tiegħu lir-rebbieħa u lill-parteċipanti kollha għall-kontribut imprezzabbli tagħhom fis-settur tat-trasport f’Malta, filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw u lil dawk kollha attendew għall-ewwel edizzjoni tal-Malta National Transport Awards. Irringrazzja wkoll lil Transport Malta tax-xogħol tagħhom biex itellgħat din iċ-ċerimonja, kif ukoll lill-kumitat tal-għażla għall-ħin u d-dedikazzjoni tagħhom, lill-isponsors u lil dawk kollha li appoġġjaw din l-inizjattiva.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, s-sur Jonathan Borg, saħaq fuq l-impatt profond li għandu t-trasport fuq kull aspett tas-soċjetà filwaqt li enfasizza l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-individwi u l-organizzazzjonijiet li l-kontribuzzjonijiet tagħhom mexxew kemm is-settur tat-trasport kif ukoll is-soċjetà b’mod ġenerali ’l quddiem. “Irridu nikkollaboraw u naħdmu flimkien biex insaħħu l-mezzi tat-trasport u negħlbu l-isfidi tagħna. Billi ngħaqqdu r-riżorsi tagħna u naħdmu flimkien, nistgħu inwittu t-triq għal trasport aħjar li jkun ta’ benefiċċju għall-ġenerazzjonijiet futuri filwaqt li jiġi żgurat t-tkabbir kontinwu u l-prosperità ta’ pajjiżna.”

“L-ewwel edizzjoni tal-Malta National Transport Awards hija pass importanti għas-settur tat-trasport. Hija okkażjoni biex nirriflettu u niċċelebraw il-ħafna sforzi tal-istakeholders tagħna b’appoġġ għall-viżjoni tal-gvern favur futur aktar nadif, ekoloġiku u sostenibbli,” qal is- Segretarju Permanenti tal-Ministeru, s-Sur Godwin Mifsud.

Ekonomija

Sport